Novichok, arma kimika li ħarġet mill-Unjoni Sovjetika – One News

Notifiki

Novichok, arma kimika li ħarġet mill-Unjoni Sovjetika

Din il-frażi spikkat fl-aħħar ġimgħat fl-aħbarijiet internazzjonali minħabba li l-Kap tal-Oppożizzjoni Russu allegatament ġie vvalenat mill-kimika Novichok.

ONE News tkellem dwar dan mad-Dekan tal-Fakultà tax-Xjenza, il-Professur Emmanuel Sinagra, li spjega kif din hija klassi ta’ kimiċi li huma relatati ma’ xulxin li jaħdmu b’mod simili. Spjegalna wkoll li dawn bdew jintużaw fi żmien fejn l-użu tal-armi kimiċi ma kienx daqshekk ikkontrollat.

Prof. Sinagra spjega: Kien żmien il-Gwerra l-Bierda, u kien hemm ħafna xogħol fuqhom. In-Novichoks kien propju fl-1970-1980 meta bdew jiġu żviluppati fl-Unjoni Sovjetika, u aktar tard ir-Russja.

In-Novichoks jaf jinstabu kemm bħala likwidi kif ukoll bħala oġġetti solidi, u jħallu effett anke b’ammonti pjuttost żgħar. Il-Professur Sinagra spjegalna li l-kimiċi jattakkaw is-sistema tan-nervituri tal-bniedem billi jattakkaw kimika li tikkontrolla fost l-oħrajn kif iċċaqlaq il-muskoli.

Huwa kompla jispjega: “Jibblukkaw il-kimika li tkisser din il-kimika tal-muskoli, u allura dan jiżdied u jkollok il-problemi. Li jiġri jekk m’għandekx kontroll fuq il-muskoli, lanqas tkun tista’ tieħu nifs.”

L-użu tan-Novichoks bħala arma fil-gwerra kontra n-Nato mill-Unjoni Sovjetika kienet ideali għal dak iż-żmien, peress li dari kienet diffiċli ħafna li jinstabu traċċi ta’ dawn il-kimiċi.

Eventwalment, mal-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika, kienet aktar faċli biex persuni minn pajjiżi differenti jiksbu dawn l-istess kimiċi.

Prof. Sinagra sostna: “Dan iż-żmien, m’għadhomx jintużaw bħala għodda għad-distruzzjoni tal-massa għaliex ma tippermettix il-liġi li jkunu mhux manifattueati jew stockpiled.”

Hekk kif sena ilu feġġew rapporti li f’Salisbury, l-Ingilterra, dawn intużaw fuq eks uffiċjal militari Russu u bintu biex jinqatlu, il-Konvenzjoni għall-Armi Kimiċi żdiedet l-aġenti tan-Novichoks mal-lista ta’ sustanzi li għandhom jiġu kkontrollati. Din kienet fost l-akbar bidliet li sarulha sa mid-disgħinijiet.

Ftit anqas minn xahar wara, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi filfatt ipprojbixxiet l-użu tan-Novichoks.

Prof. Sinagra tenna: “Kien hemm tibdil fil-Chemical Weapons Convention, biex dawn jikkunsidrahom, għaliex inti jista’ jkollok kimika legali u oħra le, tħallathom u toħloq din l-għodda. Allura b’hekk, dan ma jsirx.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend