Huwa importanti li matul il-ġimgħa, wieħed isib ħin għall-mistriħ, minħabba l-istress u l-ġenn li toffri l-ħajja.
F’intervista ma’ ONE News, il-professjonista Alexandra Genovese qalet li wieħed irid jistriħ skont kemm wieħed għandu bżonn. Hija semmiet kif wieħed għandu bżonn minimu ta’ ġurnata u nofs fil-ġimgħa biex wieħed jistriħ.
“Jiddependi fuq il-persuna u fuq l-individwu, kemm għandu bżonn għax mhux kulħadd jiflaħ l-istess. Però miżerjament għandek bżonn ġurnata u nofs biex il-moħħ jaqta u f’dik il-ġurnata u nofs mhux ifisser li ġġorr il-mobile miegħek u togħqod tirrispondi l-emails.”
Genovese qalet li meta wieħed jistriħ, irid jaqta’ kompletament minn kull ħaġa li jagħmel waqt il-ħin tax-xogħol.
Hija semmiet l-importanza sabiex wieħed iżomm bilanċ bejn ix-xogħol u l-mistriħ, għaliex meta wieħed jaħdem ħafna dak ma jagħmilx ġid lil moħħ u l-ġisem. Semmiet kif wieħed għandu jkollu mistriħ billi jagħmel affarijiet li joġbuhom.
“Għalhekk aħna nirsistu fuq hobbies bħal gardening jew tmur tgħum jew għamel ikla għal familja. Xi ħaġa totalment differenti għaliex il-moħħ hemm jieħdu l-ossignu. L-ossignu tal-moħħ jiġi billi li inti taqtalu mir-rutina ta’ kuljum.”
Il-professjonista appellat sabiex wieħed jiekol ikel tajjeb għas-saħħa u tqatta’ ħin mal-familja, għaliex b’hekk il-moħħ jistriħ.
“Poġġu l-prijoritajiet f’posthom. Mela jekk inti tiflaħ ċertu ammont titfettaħx aktar biex inti tlaħħaq. Biex inti mingħalik se takkwista aktar. Għix il-ħajja b’dan li għandek.”