Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-eżerċizzju ta’ skrutinju tal-kandidati għall-Kap tal-PN huwa wieħed fażull u superfiċjali tant li naqas milli jidentifika nuqqasijiet serji taż-żewġ kandidati li kulħadd jaf bihom.
Dan kien eżerċizzju superfiċjali biex jaħbi l-verita’ li ż-żewġ kontestanti mhumiex denji li jokkupaw kariga kostituzzjonali minħabba l-kondotta tagħhom fil-ħajja professjonali.
L-istqarrija qalet li l-PN ma jistax jittieħed bis-serjeta’ fuq tmexxija u governanza tajba. Iktar minn hekk qed juru l-faċċata kerha tal-PN meta jippruvaw jagħmlu eżerċizzju ta’ diliġenza biex juru standards, imma filfatt jaħbu fatti ta’ nuqqas ta’ governanza tajba fil-ħajja professjonali tal-kandidati.
Il-Kummissjoni injorat għal kollox fatti magħrufa, aħseb u ara kemm jistgħu jittieħdu bis-serjeta’ li daħlu iktar fil-fond biex isiru jafu problemi oħrajn li għandhom iż-żewġ kandidati, saħaq il-PL.
L-istess Kummissjoni injorat il-fatt li Bernard Grech sistematikament evada t-taxxa fuq medda t’ għoxrin sena, u mill-anqas kellu arretrati ta’ €60,000 x’iħallas lill-Kummissarju tat-Taxxi.
Il-Partit Laburista żied jgħid li dan barra li għal snin ġabar il-VAT mingħand in-nies u żammha f’butu , u suppost tressaq kriminalment quddiem il-Qrati iżda għal xi raguni ma tressaqx. L-istess Grech ma ħallasx it-taxxa għal snin twal u ċaħħad lill-Maltin u l-Għawdxin eluf ta’ ewro li kienu dovuti lill-kaxxa ta’ Malta.
Fuq in-naħa l-oħra hemm il-kandidat l-iehor, Adrian Delia, li wkoll għadu ma ddikjarax x’qala’ sentejn ilu mal-awtoritajiet tat-taxxa. Lura fl-2017, l-istess Delia ġie mitlub jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu għat-tellieqa ta’ Kap tal-PN mill-kumitat tal-etika wara li falla milli jispjega dwar kont bankarju f’Jersey.
Filfatt, l-istqarrija temmet tgħid li ż-żewġ kontestanti għandhom nuqqasijiet serji li l-poplu għandu jkun jaf dwarhom. L-inqas li setgħet tagħmel il-Kummissjoni Elettorali tal-PN kien ikun li tippubblika dan l-eżerċizzju f’isem it-trasparenza. Imma huwa ċar li din l-elezzjoni sħiħa hija eżerċizzju ċar ta’ nuqqas ta’ trasparenza u demokrazija serja.