€180 miljun f’għajnuniet u benefiċċji f’erba’ xhur – One News

Notifiki

€180 miljun f’għajnuniet u benefiċċji f’erba’ xhur

Matul l-ewwel l-erba’ xhur tal-pandemija, il-Gvern alloka mija u tmenin miljun ewro f’għajnuniet u benefiċċji li minnhom se jibbenefikaw madwar mitt elf ħaddiem u sbatax -il elf kumpanija jew self-employed.

Il-gazzetta Kullħadd irrapportat li din l-allokazzjoni Se tkompli tikber ladarba l-benefiċċju prinċipali tal-Wage Supplement se jiġi estiż għal tliet xhur oħra.

Filfatt l-iskema li minnha ġew approvati aktar sitta u disgħin elf talba, assorbiet disgħa u tmenin fil-mija tal-fondi pubbliċi, ekwivalenti għal aktar minn mija u sittin miljun ewro.

B’hekk din tista’ titqies bħala l-akbar miżura li għenet diversi ħaddiema u negozji li kellhom jgħalqu u li issa ser tkun ta’ sosten għal faxxa oħra ta’ ħaddiema li ma kienux koperti fl-ewwel allokazzjonijiet.

Dan filwaqt li pensjonanti u studenti reġistrati ma’ JobsPlus sa mid-9 ta’ Marzu li għadda wkoll jistgħu jiġu kkunsidrati għall-benefiċċju.

Hu u jippreżenta d-dokument ta’ qabel il-baġit, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ta rendikont tal-miżuri li tħabbru waqt il-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika f’Ġunju li għadda,u li bih, il-pagi u s-salajri żdiedu b’ħamsa u ħamsin miljun ewro meta mqabbla mal-elfejn u dsatax.

Apparti hekk tlettax -il kumpanija u mitejn, seba’ mija u tletin negozju żgħir u medju bbenefikaw mill-Interest Subsidy Scheme.

Il-Kullħadd rrapportat ukoll li iktar minn miljun, mija u tletin elf ewro ġew allokati għal-leave tal-kwarantina filwaqt li ftit iktar minn sitt mitt elf ewro ġew investiti f’sistemi ta’ teleworking.

Fl-istess ħin aktar minn sbatax -il miljun ewro kienu allokati għal diversi miżuri soċjali. Fost oħrajn, aktar minn erbat elef u ħames mitt talba kienet approvata għall-benefiċċju tal-ġenituri li tammonta għal aktar minn għaxar miljun ewro. Filwaqt li aktar minn elfejn talba ġiet approvata għall-benefiċċju addizzjonali tal-qgħad.

Il-Ministru Scicluna sostna li l-Gvern ser ikun prudenti u jippjana baġit b’mod għaqli filwaqt li jkompli jinvesti fil-prinċipji li fuqhom hi msejsa l-viżjoni ta’ dan il-Gvern.

Il-Kullħadd temmet tgħid li pajjiżna jinsab f’pożizzjoni tajba li jirkupra sew fid-dawl tal-imxija tant li huwa mbassar li Malta tara tkabbir ta’ sitta fil-mija fil-Prodott Domestiku Gross li jagħmel tajjeb għat-tnaqqis li seħħ tul din is-sena.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. U kemm hadu minnhom il-penzjonanti? Ma tafx li meta izzid il-pagi trid bil-fors izzied sewwa il-penzjonanti ghax il-prezzijiet iktar ihossuhom min lanqas li ghandu dhul mhux hekk? U wara kollox il-penzjonanti l-iktar li jistghu jghinu lil uliedhom meta jkunu verament jistghu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *