Jinżamm arrestat wara li allegatament hedded u beżża’ lill-ġenituri tiegħu biex jixtri d-droga – One News

Notifiki

Jinżamm arrestat wara li allegatament hedded u beżża’ lill-ġenituri tiegħu biex jixtri d-droga

Raġel ta’ 37 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti li allegatament hedded u beżża’ lill-ġenituri tiegħu.

Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Michael Vella qalet kif il-Ġimgħa l-pulizija rċiviet rapport mingħand il-ġenituri tar-raġel, li qalu kif allegatament ġew mhedda għaliex beda jitlobhom il-flus sabiex jixtri d-droga.

Il-prosekuzzjoni qalet kif din ma kinitx l-ewwel darba li allegatament talab il-flus lill-ġenituri sabiex jixtri d-droga.

Id-difiża talbet sabiex isem l-imputat ma jissemmiex, sabiex ikun protett l-isem tal-ġenituri. Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello laqgħet din it-talba.

Id-difiża talbet ukoll sabiex l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest iżda din it-talba ma ġietx milqugħa.

Il-Maġistrat Montebello rrikomandat lid-Direttur tal-Ħabs, sabiex l-imputat jingħata l-għajnuna meħtieġa.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *