Il-Ministru Edward Scicluna jieħu sehem f’laqgħat tal-Eurogroup u l-ECOFIN f’Berlin – One News

Notifiki

Il-Ministru Edward Scicluna jieħu sehem f’laqgħat tal-Eurogroup u l-ECOFIN f’Berlin

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna attenda l-ewwel laqgħat mhux virtwali iżda f’Berlin tal-EUROGROUP u l-ECOFIN li saru minn kemm ilha li faqqgħat il-pandemija tal-Covid-19.

Il-Ministri għall-Finanzi tal-Unjoni Ewropea ddiskutew il-futur tal-Ewropa fid-dawl tal-effetti tal-pandemija COVID-19 u kif l-Unjoni għandha tipprepara ruħha biex tindirizza l-isfidi futuri.

Il-Ministru Scicluna sostna li l-imxija biddlet il-mod ta’ kif naħsbu u għaldaqstant iffukajna fuq dawk ir-riżorsi u kapaċitajiet neċessarji biex nirreaġixxu għal din il-kriżi.

“Issa qed niffaċċjaw fażi ġdida bi sfidi ġodda, li teħtieġ aktar kordinazzjoni, speċjalment fir-rigward tal-użu tal-Fondi għall-Irkupru. B’aktar koperazzjoni nkunu nistgħu nottjenu aktar ġid bil-fondi finanzjarji li hemm għad-dispożizzjoni tal-istati membri.” Dan stqarru l-Ministru Scicluna waqt l-intervent tiegħu.

Il-Ministru Scicluna kompla jgħid, “Irridu nsibu bilanċ meta nistabbilixxu x’livell ta’ defiċit se jkollna għall-2021. Filwaqt li d-defiċit huwa dejjem piż finanzjarju għal-futur li jrid jiġi kopert, għandna bżonn naġixxu sakemm tibqa’ magħna l-kriżi.”

Il-Ministri ddiskutew ukoll l-użu ta’ riżorsi pubbliċi biex jiżguraw irkupru ekonomiku rapidu. Il-Ministri taw ħarsa lejn is-sitwazzjoni ekonomika u x’tip ta’ politika ekonomika hemm bżonn li titħaddan, kemm fuq livell Ewropew u nazzjonali.

Il-Ministru Scicluna kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Finanzi Ġermaniż Olaf Scholz, fejn iddiskutew ir-rispons ekonomiku taż-żewġ pajjiżi li ntuża fir-rigward tal-pandemija, u l-ħtieġa li tiġi diskussa politika kkoordinata mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-migrazzjoni fil-Mediterran.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend