Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar iltaqgħu mal-komunità LGBTIQ+ ta’ Għawdex.
F’din il-laqgħa, l-organizzazzjoni LGBTIQ Gozo tkellmet dwar il-pjan ta’ azzjoni għas-sena li ġejja u l-prijoritajiet tal-komunità LGBTIQ f’Għawdex. Irreferiet ukoll għal studju li seħħ fl-2019 u elenkat diversi punti li juru biċ-ċar li f’Għawdex persuni LGBTIQ+ isibuha ferm aktar diffiċli biex jesprimu l-ġeneru u s-sesswalità tagħhom meta mqabbla ma’ Malta.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li wara li ġie diskuss il-pjan ta’ azzjoni ppreparat mill-istess NGO, se jkompli jħares ’il quddiem għal aktar ħidma f’Għawdex sabiex jiġu offruti iżjed servizzi lill-komunità LGBTIQ+ fi gżiritna stess.
Is-Segretarju Parlamentari Cutajar tenniet l-impenn tal-Gvern fil-qasam LGBTIQ+ u saħqet li se tibqa’ taħdem qatigħ sabiex taċċerta li l-komunità LGBTIQ+ f’Għawdex tkompli tingħata l-attenzjoni u s-sapport meħtieġ.
Ritratti (MGOZ/MJEG_PS)