Ifiqu 30 persuna oħra mill-Covid-19 u jfeġġu 43 każ – One News

Notifiki

Ifiqu 30 persuna oħra mill-Covid-19 u jfeġġu 43 każ

Fl-aħħar 24 siegħa fiequ tletin persuna oħra mill-Covid-19 filwaqt li ġew irreġistrati 43 każ ġdid minn fost elfejn u erbgħa u disgħin test.

Dan ifisser li tmienja u disgħin fil-mija tat-testijiet li saru ġew negattivi.

F’aġġornament mediku ta’ kull ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li bħalissa ħafna mill-persuni pożittivi għall-virus qegħdin jiġu rikoverati d-dar tagħhom stess.

Dan filwaqt li tmien persuni qegħdin fit-Taqsima għall-Mard Infettiv u erbgħa oħra qed ikunu rikoverati fi swali oħra fl-isptar Mater Dei.

Hemm persuna li tinsab rikoverata fit-Taqsima għall-Kura Intensiva iżda tinsab f’qagħda stabbli.

Dan l-istazzjon staqsa lil Professur Gauci għar-reazzjoni tagħha dwar rapport tal-BBC li spjega kif huwa maħsub li t-testijiet jista’ jkunu qegħdin jimmarkaw pożittiv meta jsib traċċi tal-virus li huma mejta.  B’hekk iwassal biex mhux kull persuna li tinstab pożittiva għall-virus tkun infettata u tista’ xxerdu.  Dwar dan, il-Professur Charmaine Gauci spjegat kif l-ittestjar jimmarka pożittiv meta jkun hemm preżenti traċċi tal-virus.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat: “Propju, ma tistax tiddentifika persuna jekk għandux ħafna jew inkella għandux ftit minn dawn il-partiċelli tal-virus. Ir-riżultat ħa joħroġ, infatti n-nies jgħidu jkunu negative jew positive, aħna ngħidu ‘detected’ jew inkella ‘not detected’ u propju dak ikun qed jindika jekk il-persuna jkollux għallinqas xi ftit minn dan il-virus. Għaddejja riċerka fuqha bħalissa però m’hemm xejn li huwa definit.”

Hija stqarret li f’Malta kull persuna li t-test isib li għandha preżenza tal-virus qed tinżamm fi kwarantina u tkun meqjusa li hija marida bil-virus u li potenzjalment tista’ ixxerdu.

Tkellmet fuq l-ilbies tal-maskri u kif dan jippreveni t-tixrid tal-virus hekk kif is-sitwazzjoni tal-imxija f’pajjiżna hija waħda stabbli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *