Notifiki

Bernard Grech u Adrian Delia jispiċċaw jitgħajru fuq ix-xandir 

Fuq ix-xandir nazzjonali, iż-żewġ kandidati għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista ġew intervistati u għalkemm f’ħinijiet separati, ma waqfux jitqabbdu u jgħaddu l-botti lil xulxin.

Iż-żiemel tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Bernard Grech ammetta li kellu eluf ta’ ewro f’kontijiet pendenti ma’ tat-taxxa u tal-VAT.

Grech qal: “Jien nqast li nippreżenta ċertu returns fil-ħin u wkoll inqast inħallas taxxa u VAT fil-ħin.”

Pronta kienet it-tweġiba f’forma ta’ botta minn Adrian Delia li fakkar lil Bernard Grech li dak li għamel huwa reat kriminali.

Delia qal: “Jiena qatt ma kien hemm kwistjonijiet dwari illi jikkonċernaw l-evażjoni ta’ taxxa. Qatt. Qatt, qatt ma kelli issue ta’ evażjoni ta’ taxxa li huwa reat kriminali, ħalli ma nippruvawx inxebbħu l-affarijiet.”

Dwar aktar somom ta’ flus, Bernard Grech semma l-ġabra li għamel għall-kampanja tiegħu u qal li l-flus qegħdin f’kontijiet barranin.

Grech sostna: “Il-flus minn crowdfunding għadhom se jibdew jidħlu fil-kont għaliex dawn ikunu qegħdin barra minn Malta, ovvjament f’banek barranin.”

Imbagħad Bernard Grech ġie mistoqsi dwar l-Avukat Ġenerali l-ġdid, Dr. Victoria Buttigieg.

Hawnhekk kien bla pożizzjoni iżda aċċenna li m’għandux l-istess pożizzjoni bħal tal-partit li qed jaspira li jmexxi.

Meta kien mistoqsi: “Il-Partit Nazzjonalista ħareġ ifaħħar id-deċiżjoni. Jason Azzopardi, persuna li jappoġġjak ħareġ jikkritikaha. Bernard Grech fejn qiegħed?”

Grech wieġeb: “Bernard Grech ma qal xejn fuq dan ir-rigward għax huwa kawt fiċ-ċirkostanzi. Bernard Grech qiegħed josserva, qiegħed jistudja, m’għandux l-istess ħsieb żgur illi s’issa l-Partit Nazzjonalista illi pubblikament u uffiċjalment qal.”

Il-ġurnalist kien kostrett jinnota kif il-partit spiċċa bi tliet pożizzjonijiet dwar l-Avukat Ġenerali l-ġdid.

Grech sostna: “Imma din hija sitwazzjoni daqsxejn miskina, jiġifieri l-Partit Nazzjonalista għandu żewġ vuċijiet, għandu kważi tliet vuċijiet. Għandu l-vuċi ta’ Adrian Delia li qed jgħid apprezzajna l-appointment ta’ Dr. Victoria Buttigieg, Jason Azzopardi kritikaha bl-aħrax u mbagħad u Bernard Grech qed jistudja. Tliet sitwazzjonijiet daqsxejn.”

Lil Adrian Delia saritlu mistoqsija oħra dwar l-Avukat Ġenerali u nġibditlu l-attenzjoni li l-kelliem tiegħu għall-Ġustizzja, Jason Azzopardi ħareġ jattakka lill-Avukat Ġenerali l-ġdid maħtura b’sejħa pubblika u wara proċess immexxi minn bord indipendenti magħmul minn tliet Imħallfin Emeriti.

Delia qal: “Però naħseb mhux korrett illi tagħti l-analiżi tal-Partit Nazzjonalista ta’ kif jaħsibha Jason Azzopardi. Diġà tkellimt elf darba fuq Jason Azzopardi m’għandiex għalfejn nibqa’ nitkellem fuq l-istess personaġġ.”

Delia spiċċa jgħajjar it-tmexxija preċedenti tal-Partit Nazzjonalista, sa żmien Gonzi. “Xebh ta’ xiex, il-Partit Nazzjonalista. Tal-Partit Nazzjonalista li tilef l-elezzjoni fl-2017, aħjar! Tal-Partit Nazzjonalista li tilef l-elezzjoni fl-2013, aħjar! Tal-Partit Nazzjonalista li kien jiggverna qabel u kien hemm diversi eluf illi abbandunaw il-Partit Nazzjonalista għax ħasbu li kien arroganti. Kieku bqajna għaddejin fuq dak li kien il-Partit Nazzjonalista qabel l-2013, allura ma kienx ikun hemm diskussjonijiet interni għax kulħadd kien jibqa’ fejn hu, kulħadd kien iżomm postu u kulħadd kien ikun kuntent.”

Delia fetaħ attakk ukoll fuq tar-Repubblika u Occupy Justice li qegħdin jimbuttaw lil Bernard Grech: “Imma le mbagħad ma naqbilx illi l-Partit Nazzjonalista isir owned u allura d-deċiżjoni ġewwa fih jiddependi minn dak illi taħseb parti żgħira mis-soċjetà tagħna, is-soċjetà ċivili.”

Imbagħad il-Kap Nazzjonalista nfexx f’botti lejn tal-fazzjoni Busuttil li ħarġu kandidat wieħed biex itellaq kontrih.

Huwa qal: “Inkun qed nirriskja, il-partit ikun qed jirriskja illi jibdew jagħżlu min ikun l-Kap tiegħu l-ftit u mhux kif ġara tlett snin ilu it-tesserati kollha.”

Delia saħaq: “Il-Partit Nazzjonalista bħalissa x’għandu bżonn? Għandu bżonn bidla oħra? Ħalli f’erba’ snin prattikament inkunu biddilna erba’ darbiet jew għandu bżonn li jsaħħaħ ħalli mmorru għal din l-elezzjoni u mbagħad ikun hemm l-ispazji għal kull min irid verament jagħmel open contest għax din mhux open contest. Din open contest? Aħna morna għand il-kunsilliera biex naraw jekk iridux open contest, qalulna iva u mbagħad kien hemm fil-Partit Nazzjonalista illi jrid jiddeċiedi hu, illi qal lil kull min kien interessat biex ma joħroġx, biex joħroġ biss għal din il-contest dak illi għażlu huma. Mhux hekk taħdem il-politika, mhux dik open contest, dik mhi open contest xejn.”

 Intant, lejn l-aħħar tal-interventi tiegħu, Bernard Grech wera biċ-ċar li qiegħed hemm biex iqaċċat lil Delia u sħabu.

Huwa qal: “Jekk nilħaq kap tal-partit jien, bla dubju mhux se jkun Kap tal-Partit.” 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend