Notifiki

Adrian Delia u Bernard Grech jaħlu fuq xulxin fuq l-istazzjon Nazzjonalista

Iż-żewġ kandidati għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Ħamis filgħaxija qattgħu siegħa u nofs fuq l-istazzjon tal-istess Partit jaħlu u jkomplu jgħaddu botti xejn kumplimentużi fuq xulxin.

L-akbar daqqiet waslu mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia hekk kif f’botta indiretta imma ċara rrefera għall-problemi tat-taxxa u VAT li kellu Bernard Grech.

Delia qal: “Ma nistax inkun inkwetat għax naf li f’ħajti qatt ma kelli problemi. La ta’ taxxa, la ta’ issues finanzjarji, qatt u allura min jipprova b’xi mod jivvinta u jigdeb u jippersisti f’dak il-gideb.”

Min-naħa tiegħu Bernard Grech iġġustifika l-azzjonijiet ta’ dawk li jappoġjawh meta fl-eqqel tal-kriżi tal-Partit Nazzjonalista, ħatfu l-kamra tal-Oppożizzjoni fi ħdan il-Parlament biex jikkonfoffaw kontra Delia.

Grech qal: “Ma jistax ikun inti l-grupp parlamentari tiegħek jagħmel ġimgħat ma jiltaqax kif sfortunatament kien qed jiġri matul dawn l-aħħar 3 snin u allura bilfors imbgħad sfortunatament jinħolqu anke jekk ma togħġobnix li aħna jew intom jew hemm barra jsejħulhom klikkek.”

Grech sostna wkoll il-problemi kbar li hemm bħalissa fl-organi u l-fergħat fi ħdan il-Partit Nazzjonalista: “Qiegħed nirrealizza u qed niltaqa’ ma numru ta’ diffikultajiet man-nies u nirrealizza li l-organizzazzjoni u l-organi tal-Partit bħalissa mhumiex jiffunzjonaw kif suppost.”

Delia ma ħadhiex kontra Bernard Grech biss. Fetħilha kontra dawk li sfiduċjawh u li tradewh.

Huwa sostna: “Mhux jekk ikun hemm erba’ minn nies li jiddeċiedu li jridu jagħżlu huma min ikun il-Kap tal-Partit għax hekk ma jaħdimx il-Partit.

Jiena qatt ma nitradixxi Kap tiegħi. Qatt, imdorri minn tfuliti ma mmur kontra dak li jkun qed imexxi l-organizzazzjoni li jien qed ngħid li nħobb.”

Ma naqasx ukoll milli jsemmi is-sondaġġi u kif dawn intużaw bi skop malinn: “Però ma jistax Partit kull xahar, kull ġimgħa, kull sena skond is-surveys għax inkella l-Partit Nazzjonalista nkunu biddilna 4 leaders f’erba’ snin.

Qatt fl-istorja tal-Partit tagħna ma żammejna Kap wieħed li jersaq għal elezzjoni. Din se tkun l-ewwel darba.”

Il-ġlied ma waqafx hawn. Bernard Grech kompla jintensifika fil-botti tiegħu fil-konfront tal-Kap.

Grech tenna: “Illum għandna sitwazzjoni fejn l-ogħla tliet organi fil-Partit, iddeċidew li għandna mmorru għal elezzjoni ta’ Kap.”

Dan ma qabilx għal widnejn Delia hekk kif sostna l-bidliet li wettaq fost oħrajn fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista.

Delia saħaq: “Aħna kellna statut fejn kien isir interview ta’ ftit minuti umbgħad kampanja ta’ tliet xhur.”

Il-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil ftaħar li kien fuq l-istess palk mal-pijunier tal-fazzjoni. Huwa qal: “Tkellimt ukoll fl-2017 fil-meeting li sar Ħal Balzan. Kont fuq l-istess palk ma’ Simon Busuttil.”

Intant Delia fetħilha wkoll kontra t-Times li mhux darba jew tnejn ikollha artikli li bihom jorgħkru idejhom l-esponenti ta’ Busuttil: “L-ewwel nies ehe nagħmel referenza għal dak l-artiklu tat-Times li  ma jitlifx okkażjoni kemm fl-editorjal u kemm kif ukoll f’artikli oħra dak kollu li ngħid jien jew jeqilbu, jew jippervertih jew jara kif jagħmel  biex jagħti daqqa oħra f’aġenda ċara kristallina.”

Kellu wkoll kliem ċar fil-konfront ta’ dawk li jiktbu kontrih: “Min kellu interess li jikkreja, jivvinta, jiffabbrika dawn l-aħbarijiet naħseb jistenna ftit oħra.”

Min-naħa tiegħu Bernard Grech temm l-intervista jgħid li se jiffitta lin-nies.

Huwa temm jgħid: “Se niġru warajkhom. Se ndejqukhom, se niffittawkhom.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend