B’investiment ta’ miljun u mitejn elf ewro li ġejjin minn Fondi Ewropej tniedew żewġ programmi straordinarji tal-Erasmus+ b’rispons għall-isfidi esperjenzati fis-setturi tal-edukazzjoni u ż-żgħażagħ minħabba l-pandemija.
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv u Koordinatur Nazzjonali tal-Erasmus+, Joseph Schembri spjega kif l-ewwel sejħa hija miftuħa għall-iskejjel f’livelli varji u se tkun qed tappoġġja proġetti li jikkontribwixxu għall-edukazzjoni diġitali sabiex itaffu mill-impatt tal-pandemija. Filwaqt li t-tieni sejħa tiffoka fuq l-iżvilupp tal-ħiliet u l-inklużjoni soċjali permezz tal-kreattività u l-arti.
“Prattikament nafu illi kellek ħafna diffikultajiet fejn wieħed jidħol biex jaqleb tagħlim fiżiku għall-tagħlim online u allura l-Unjoni Ewropea ħasset li għandha toħroġ sejħa biex tindirizza l-issue ta’ digitilisation.”
Waqt li ġew imħabbra dawn iż-żewġ skemi, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif peremezz ta’ din l-iskema, mument ta’ sfida se jdur f’opportunità.
“Qegħdin inniedu sejħiet li permezz tagħhom se jkun għad-dispozizzjoni għal diversi proġetti s-somma ta’ €1.2 miljun. Dawn il-fondi jmorru oltre dak li kellnal-pakkett finanzjarju 2014-2020. Huma fondi li ngħataw addizzjonalment biex inkomplu nżidu l-iniżjattivi ħalli nkomplu nindirrizzaw ir-realtijiet li ġabet magħha l-pandemija f’dawn is-setturi.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima qal kif dawn is-sejħiet se jagħtu opportunità liż-żgħażagħ biex jgħaqqdu l-edukazzjoni tagħhom mal-aspett kulturali u kreattiv.
“Naħseb li huwa importanti illi nagħtu dawn l-opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna sabiex ikollu aċċessibiltà sabiex jista jiġi rikonuxxut ix-xogħol kreattiv tagħhom u dan kollu sabiex nassiguraw li jkollhom l-għodda neċċesarji.”
Dawn is-sejħiet jagħlqu fid-29 t’Ottubru f’nofsinhar.