Iż-żagħżugħa Maltija ta’ sittax-il sena Haley Bugeja li skurjat żewġ gowls għat-tim ta’ Sassuolo fid-debut tagħha fil-kampjonat Taljan tan-nisa wasslet f’pajjiżna l-Ħamis waranofsinhar.
Barra s-sala tal-wasliet, sibna lill-qraba u ħbieb ta’ Haley li bdew jistennew b’ħerqa lill-istilla Maltija l-ġdida.
Kburija bil-prestazzjoni tan-neputija tagħha, nannitha qaltilna kif waqt il-logħba tas-Sibt filgħaxija ltaqgħu l-familja kollha jsegwu lil Haley.“Ħadna pjaċir ħafna, ġew l-ewwel żewġ gowls tagħha għall-ewwel darba ħadna pjaċir ħafna”
In-nannu ta’ Haley, li meta kien iżgħar kien gowlkeeper anki man-nazzjonal, b’sens ta’ kburija qalilna kif huwa kien jgħinha u jtiha pariri u kien jemmen fil-potenzjal tagħha.
“Mill-ewwel impressjonatni għax jien kont naraha ta’ sitt snin u għedtilha trid tilgħab b’żewġ saqajn, kienet tilgħab b’waħda u għallimtha kif tibda tixxutja bix-xellug u bit-tnejn imbagħad ġiet tilgħab, voldieri trid ittihom daqsxejn. Dak li tkun taf ittihulhom ħalli jitilgħu x’jismu”.
Tkellimna wkoll mal-istilla żagħżugħa, Haley li qaltilna li din il-ġimgħa kienet waħda mimlija daqs bajda.
“Ovvjament kienet ġimgħa naqa hectic, ġimgħa mimlija artikli, intervisti. Le imma kburija li l-pajjiż kien warajja u ssapportjani daqshekk f’din l-esperjenza.”
Hija qalet magħna kif qed tħares lejn il-ġejjieni b’entużjazmu.
“Jekk Alla jrid għandi ħafna snin quddiemi. Iżda bħalissa qegħda ma’ Sassoulo, qegħda ferħana. Inħares lejn il-futur b’entużjazmu mal-klabb. Ovvjament niffokka fuq in-nazzjonal issa, imma ovvjament jekk Alla jrid il-futur iżomm affarijiet sbieħ.”