Iż-żiemel tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Bernard Grech, ġabar ħamsin elf ewro f’donazzjonijiet mingħand in-nies. Grech, mar jitlob il-flus lin-nies biex ikun jista jagħmel il-kampanja għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fuq Facebook, Bernard Grech kiteb grazzi u wera s-sodisfazzjon li nġabru ħamsin elf ewro.
Nhar il-Ħamis, Grech ħabbar li qed jiġbor il-flus permezz ta’ pjattaforma online. Il-massimu ta’ kontribuzzjoni waħda li wieħed seta’ jagħti ma setgħetx taqbeż il-mitejn u ħamsin ewro, madankollu mal-ewwel bdew jidhru affarijiet kunfliġenti fil-mod ta’ kif jingħataw il-flus.
Minkejja l-massimu ta’ somma f’donazzjoni waħda, ONE News seta’ jara kif wieħed minn dawk li għażel jagħti donazzjoni, għamel donazzjoni ta’ elf ewro, seba’ mija u ħamsin ewro aktar mil-limitu stipulat.
Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech ammetta u qal li jinsab perpless dwar l-aħħar aħbarijiet li ħarġu dwaru fejn kellu mat-tnejn u sittin elf ewro fi ħlasijiet pendenti ma’ tat-taxxa u ma’ tal-VAT.
Kienu t-Times, il-Maltatoday u l-Illum li rrappurtaw l-ewwel dwar kif fl-aħħar żmien, Bernard Grech kellu kontijiet pendenti kemm ta’ taxxa tad-dħul li jmorru lura saħansitra sa disa’ snin ilu u anke ħlas tal-VAT sas-sena l-oħra. Konxju li dawk li bdew jersqu lejh, bdew jiddubitaw minnu wara li anki ma qalx kif ħallas aktar minn sittin elf ewro fi ħlas tat-taxxa u VAT, Bernard Grech għamel filmat u qal li hu mħasseb. Grech seta’ jittella’ l-Qorti li kieku ma wasalx għal ftehim ta’ pagamenti dwar il-kontijiet pendenti tat-taxxa u tal-VAT li akkumula matul is-snin.
Sorsi qrib il-kamp ta’ Bernard Grech u li huma nfurmati sew dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, qalu lit-Times, li Grech iddikjara dħul inqas milli verament daħħal madankollu dan irranġah wara.
L-istess ġara għad-dħul iddikjarat fl-2016, fl-2017 u fl-2019.