It-tim Marsi rebaħ ir-regatta – One News

Notifiki

It-tim Marsi rebaħ ir-regatta

It-tim Marsi rebaħ ir-regatta tradizzjonali ta’ Jum il-Vitorja, għall-erbatax-il darba fl-istorja, wara li t-Tlieta fil-Port il-Kbir saret ir-Regatta Tradizzjonali. Id-distrett ta’ Birzebbuġa rebaħ Kategorija B.

Il-kategorija tan-nisa ntrebħet mill-Birgu.

F’Kategorija A dik magħrufa bħala tal-Open, il-Marsin rebħin b’total ta’ 64 punt, fejn daħlu l-ewwel fit-tiġrijiet tad-Dgħajjes A tal-Midalji, Frejgatini u Kajjikki. Il-Marsin ġew segwiti mit-tim ta’ Bormla fit-tieni post b’total ta’ 58 punt u fit-tielet ġew l-Isla bi 22 punt.

ONE News tkellem ma’ Roman Gusman, il-President tal-Klabb tar-Regatta tal-Marsa, li magħna qal kif it-tim Marsi ilu jaħdem biex jikseb dan is-suċċess.

Huwa qalilna: “Is-suċċess għalina jfisser ħafna. Ilna naħdmu minndu tellaqna l-crew li kien magħna u telaq ma’ Bormla. Erġajna bdejna mill-bidu u diffiċli biex terġa’ tgħaqqad crew li tirbaħ b’din l-iskwadra għax l-iskwadra hija b’saħħitha. Tajnihom sfida tajba llum, urejna li aħna nistgħu nicchallengjaw u b’hekk ġibna dan is-suċċess.”

F’Kategorija B, it-tim ta’ Birżebbuġa rebaħ b’total ta’ 84 punt, li rebaħ it-tiġrijiet tad-Dgħajjes Ċ tal-Pass, Dgħajjes A tal-Pass, Frejgatini u Dgħajjes B tal-Pass. Il-Birżebbuġin ġew segwiti minn Bormla fit-tieni post li ġabu 42 punt u l-Kalkara fit-tielet post b’għoxrin punt.

Din ir-regatta saret b’mod differenti mis-soltu minħabba l-pandemija, hekk kif ma kienx hemm spettaturi fix-Xatt tal-Belt. Il-palji u l-medalji ngħataw fuq il-baħar stess, waqt li x-shield ingħatat lil membru minn klabb.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima qal li l-Gvern flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa ħadmu biex dan l-isport tradizzjonali jsir xorta waħda minkejja l-pandemija.

Huwa sostna: “Nagħtu l-għodda neċessarji lill-organizzaturi sabiex nassiguraw illi d-dilettanti jkunu jistgħu jsegwu r-regatta minn ġewwa d-djar tagħhom, għamilna protokols mediċi b’kollaborazzjoni bejn SportMalta, is-Segretarjat u l-awtorijiet tas-saħħa li permezz tagħhom nassiguraw li s-saħħa ta’ dawk kollha involuti tiġi mħarsa u fl-istess waqt ikollok ukoll kompetizzjoni tant akkanita li mdorijin illum jum il-Vitorja.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend