Malta għandha wieħed mill-aħjar servizzi tal-internet fid-dinja, ibbażat fuq il-veloċità.
Dan ħareġ minn riċerka annwali msejħa Worldwide Broadband Speed Leagu li tiġi kkummissjonata mill-kumpanija Ingliża Cable.co.uk. Pajjiżna kklassifika fit-tlettax-il post fid-dinja u r-raba’ l-aħjar fost l-istati membri fl-Unjoni Ewropea wara li saru ħmistax-il elf u ħames mitt test f’Malta.
L-internet f’pajjiżna għandu veloċità medja ta’ 87.36 mega bits kull sekonda li hi aħjar mill-medja Ewropea u tliet darbiet aħjar mill-medja globali. Malta tgawdi minn internet b’saħħtu aktar minn dak ta’ pajjiżi avvanzati bħall-Ġermanja, l-Italja, Spanja, Franza, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.
Din l-analiżi internazzjonali, uriet li minn fost mitejn wieħed u għoxrin pajjiż jew territorju, l-Ewropa hi l-aktar reġjun b’internet veloċi b’riżultat ta’ investiment f’konnessjonijiet ta’ fibre optic. Ir-riċerkaturi ta’ cable.co.uk analizzaw ukoll kemm idum nieżel film HD id-daqs ta’ 5GB f’kull pajjiż fil-lista u huwa stmat li f’Malta jdum inqas minn tmien minuti.
Il-klassifika għall-2020 minn Cable.co.uk turi li Malta għamlet avvanz kbir imqabbel anke mas-sena li għaddiet. Għalkemm ilna fil-lista mal-aqwa 50 Internet veloċi fid-dinja sa mill-2017, din is-sena kien hemm qabża sinifikanti ta’ tlieta u tletin pożizzjoni mill-2019. Il-veloċità tal-Internet din is-sena f’Malta hi kważi disa’ darbiet iżjed b’saħħitha minn dik li konna nesperjenzaw tliet snin ilu.
Pajjiżna ra u għadu qed jesperjenza investimenti qawwija f’dan ir-rigward minn operaturi ta’ networks li joffru s-servizz, grazzi għall-qafas regolatorju b’saħħtu li jippromwovi kompetizzjoni tajba fis-suq.