“Inħossni kburija li kelli l-pajjiż warajja” – iż-żagħżugħa Maltija li skurjat żewġ gowls fid-debutt tagħha fl-Italja – One News

Notifiki

“Inħossni kburija li kelli l-pajjiż warajja” – iż-żagħżugħa Maltija li skurjat żewġ gowls fid-debutt tagħha fl-Italja

Dawn kienu ż-żewġ gowls li skurjat iż-żagħżugħa Maltija Haley Bugeja ta’ sittax-il sena, fl-ewwel logħba tagħha fil-kampjonat Taljan tan-nisa, is-Serie A Femminile.

Is-Sibt filgħaxija, Haley lagħbet l-ewwel partita tagħha mat-tim ta’ US Sassuolo kontra t-tim ta’ Napoli, u t-tim tagħha rebaħ bi skor ta’ 3-1.

Bugeja skurjat l-ewwel gowl għat-tim ta’ US Sassuolo fil-wieħed u erbgħin minuta, u t-tieni gowl tagħha li allura jiġi t-tielet gowl għat-tim ta’ US Sassuolo, fl-erbgħa u sittin minuta.

B’dan il-gowl tal-aħħar impressjona lil bosta, u l-għada tal-logħba spettakolari, ONE News tkellem mal-atleta żagħżugħa li qalet li tinsab bla kliem.

“Ovvjament kien feeling indeskribivli, u diffiċli biex speċi nuri l-valuri, l-emozzjonijiet bil-kliem. Ovvjament dak il-ħin bdejt naħseb fuq it-tim u l-fatt li qed tgħinhom fil-logħba, imma wara l-logħba taħseb fuqha imma kien mument kbir, mument enormi għalija.”

Hija qalet kif qabel din l-ewwel partita tagħha barra minn xtutna, bħala l-iżgħar plejer fil-grawnd, kienet eċitata, iżda sabet l-għajnuna ta’ sħabha.

“Il-fatt li naf li qegħda fi skwadra kollha talent għenietni. Overall kont eċitata ħafna u hija xi ħaġa normali. Kont kunfidenti għax emmint li kapaċi nemmen li nlaħħaq magħhom.”

Din il-prestazzjoni ntlaqgħet tajjeb minn diversi Maltin, hekk kif l-istazzjon Sky Sports iddeskriva din il-logħba bħala Bugeja’s Show.

Haley temmet l-intervista tgħid magħna kif temmen fil-kapaċitajiet tagħha u issa qed tħares ‘il quddiem għal-logħba tan-nazzjonal kontra d-Danimarka u anke għall-futur tagħha fejn tidħol il-logħba tal-ballun.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend