Sistema ta’ blockchain biex titnaqqas il-burokrazija u tassigura proċess sigur għall-addozzjoni

Fl-2021 se jibdew l-ewwel testijiet fuq l-ewwel sistema ta’ blockchain b’rabta mal-addozzjonijiet f’pajjizna.

Tħabbar dan waqt konferenza stampa li saret il-Ġimgħa filgħodu, fejn il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali, Matthew Vella, sostna illi permezz ta’ din it-teknologija koppji Maltin se jibbenefikaw minn sistema aktar efficjenti li tnaqqas il-burokrazzija fil-proċess tal-addozzjoni.

Vella stqarr, “Ħafna drabi l-koppji jgħidulna qed inħossuna mitlufin. Bl-aċċess ta’ din is-sistema, kulħadd ikun jaf min imissu jagħmel l-intervent, anke awtoritajiet barranin. Mela jekk aħna nkunu qed nistennew ċertu dokumenti mediċi minn central authorities jew minn sptarijiet ta’ pajjiżi oħra dawn ser ikunu qed japplodjaw huma s-stess id-dokument u jkun qed jiġi vvetjat mill-awtoritajiet Maltin.”

Filwaqt li permezz ta’ din is-sistema se tiġi żgurata s-sigurtà kontra proċessi illiċeti; hekk kif se timxi fuq rakkomadazzjonijiet tal-konvenzjoni Hague, li titratta dwar l-aspetti ċivili internazzjonali dwar il-ħtif tat-tfal.

“Din il-blockchain se tkun miktuba bi proċess skont dawn il-konvenzzjonijiet u skont il-liġijiet ta’ Malta u b’hekk inserrħu ras il-koppji Maltin u koppji li jkunu qed jaddottaw minn Malta li l-proċess tal-addozzjoni jkun wieħed trasparenti u skont il-liġijiet.” Kompla jgħid Vella.

Il-Kap Eżekuttiv sostna wkoll li permezz tal-blockchain aktar pajjiżi huma interessati li jissieħbu ma’ Malta filwaqt li fi stadju aktar ‘il quddiem, din is-sistema se tkun qed titnuża wkoll għal addozzjonijiet lokali.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali, Clayton Bartolo semma kif il-blockchain se tkun qed tati serħan il-moħ lil koppji li jkuni għaddejjin minn żmien diffiċli.

Is-Segretarju Parlamentari Bartolo qal, “Fl-aħħar mill-aħħar dan kollu li qegħdin nagħmlu, qed nagħmluh fl-interess tat-tfal fejn hawnhekk qed nużaw it-teknoloġija mhux biss biex noħolqu iżjed opportunitajiet ta’ xogħol, imma biex inħallu effett dirett u pożittiv fil-ħajja tan-nies.”

Intant, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon semma kif permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Gvern se jkun qed jagħti ċans għal għixien aħjar lil bosta tfal filwaqt li se jkompli jassigura ambjent ta’ familja u soċjali.

Il-Ministru Falzon aċċenna wkoll li bħalissa f’Malta hawn madwar 450-480 tifel u tifla li jinsabu fil-kura alternattiva, u għalhekk ħeġġeġ ukoll sabiex koppji Maltin iħarsu lejn addozzjoni lokali.

“Ejja nħarsu lejn addozzjonijiet lokali, ejja nħarsu lejn tfal Maltin u Għawdxin illi jistgħu jmorru jew qiegħdin f’fostering imma jistgħu jmorru b’mod permanenti f’familja Maltija. Naħseb li dik hija xi ħaġa illi għandna naħdmu fuqha bis-serjetà.” Temm jgħid il-Ministru Falzon.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend