B’investiment ta’ aktar minn miljun ewro ġie inawgurat makkinarju sabiex jintuża waqt il-maltempati – One News

Notifiki

B’investiment ta’ aktar minn miljun ewro ġie inawgurat makkinarju sabiex jintuża waqt il-maltempati

B’investiment ta’ aktar minn miljun ewro ġie inawgurat makkinarju sabiex jintuża mill-Protezzjoni Ċivili waqt il-maltempati  kif ukoll inċidenti f’siti ta’ kostruzzjoni.

Dan il-makkinarju ġie inawgurat mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri u d-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila.

Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila qal kif dan il-makkinarju, li jinkludi żewġ rotating telehandlers, forklifters, generators u chainsaws heavy-duty, se jkunu qed jintużaw waqt operazzjonijiet waqt maltempati, f’operazzjonijiet f’irziezet u f’żoni industrijali fost l-oħrajn.

Is-Sur Psaila spjega: “Se nkunu qegħdin insaħħu l-forza tagħna b’makkinarju u apparat ġdid tal-aqwa kwalità li bihom se jgħina illi nkunu aktar effettivi u effiċjenti f’każijiet bħal tiġrif ta’ bini, nirien f’irżiezet, nirien industrijali, kif ukoll biex inġorru aħna stess matul il-ħidma tagħna u din lilna jgħina biex immexxu l-apparat min-naħa għal oħra.”

Psaila semma kif sena u nofs ilu, wara maltempata li ħakmet lill-pajjiżna ġie kkummissjonat rapport fejn irriżulta li l-Protezzjoni Ċivili kellha bżonn tinvesti f’dan l-apparat. Qal kif madwar mitt ħaddiem tad-Dipartiment ingħataw it-taħriġ sabiex jagħmlu użu minn dan l-apparat.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Byron Camilleri qal kif permezz ta’ dan l-investiment, il-Protezzjoni Ċivili qed tħejji ruħha sabiex tipprepara għall-maltempati. Qal kif it-taħriġ fir-riżors uman huwa importanti, iżda jrid ikollhom ukoll l-apparat fejn b’dan l-investiment tista tipproteġi u ssalva ħajjet in-nies.

Il-Ministru Camilleri stqarr: “Jeħtieġ li l-Protezzjoni Ċivili trid tkun preparata għal dak kollu li jista’ jinqala, hekk kif issa f’dawn il-jiem inkunu qed nippreparaw għall-ewwel maltempati.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend