Boroż ta’ studju mill-ITS għad-Diploma fl-ivvjaġġar favur il-klima – One News

Notifiki

Boroż ta’ studju mill-ITS għad-Diploma fl-ivvjaġġar favur il-klima

Illum saret it-tnedija ta’ 30 boroż ta’ studju ffukati fuq it-trattament tat-tibdil fil-klima. Il-boroż ta’ studju huma għal diploma online ġdida fl-ivvjaġġar favur il-klima li qed titmexxa mill-ITS u minn SUNx Malta u huma mmirati lejn dawk il-pajjiżi l-iktar affettwati mill-bidla fil-klima. Dan wara li aktar kmieni din is-sena l-kors għal din id-diploma kien diġà ġie offrut b’xejn lir-residenti mill-UE, Maltin u Għawdxin.

Din id-diploma, hija l-ewwel waħda tat-tip tagħha u se tħarreġ lill-istudenti kif jappoġġaw kumpaniji fl-industrija tal-ivvjaġġar u tat-trasport biex jagħmlu l-bidliet meħtieġa ħalli jsiru newtrali għall-karbonju, fid-dawl tal-isfida globali attwali tal-bidla fil-klima.

Waqt it-tnedija li saret fil-Kampus tal-Istudji Turistiċi fil-Qala Għawdex, il-Ministru Julia Farrugia Portelli faħħret lill-ITS għall-mod effiċjenti li baqgħet tmexxi bih matul il-pandemija.

Hija qalet kif filwaqt li t-turiżmu u l-ivvjaġġar huma kruċjali jeħtieġ li jsiru b’mod sabiex kemm jista’ jkun jitnaqqas l-impatt ambjentali. Il-ministru fakkret li hekk kif f’Ottubru li ġej Malta flimkien mal-ITS u SUNx, permezz tad-Diploma fl-Ivvjaġġar favur il-Klima, se tkun tiskatta t-taħriġ f’dan is-suġġett tant delikat u rikonoxxut mad-dinja kollha.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li d-Diploma fl-Ivvjaġġar favur il-Klima, li mhux biss għall-ewwel darba se jingħata mill-Kampus tal-ITS ta’ Għawdex imma hija wkoll l-ewwel darba li qed jingħata kors akkreditat ta’ din ix-xorta b’mod internazzjonali.

Il-Ministru għal Għawdex temm jgħid li t-turiżmu huwa essenzjali għall-gżira Għawdxija u korsijiet bħal dan relatati mat-turiżmu jkomplu jgħinu sabiex aktar żgħażagħ jispeċjalizzaw f’setturi li huma tant importanti f’Għawdex. Dan filwaqt li jkomplu jitħarrġu għaż-żmien li ġej.

Applikanti interessati jistgħu jirreġistraw għall-borża ta’ studju fuq: https://www.thesunprogram.com/climate-friendly-travel-diploma

Individwi li huma interessati f’dan il-programm u jixtiequ jiksbu aktar informazzjoni għal din il-borża ta’ studju, jistgħu jidħlu fuq www.its.edu.mt.

Presenti kien hemm ukoll, il-President ta’ SUNx Malta u eks assistent Segretarju Ġenerali tal-UNWTO, il-Professur Geoffrey Lipman f’kollegament virtwali.

Kif ukoll id-Deputat Chairman tal-ITS Carlo Micallef, id-Direttur tal-Istudji l-Prof. Glen Farrugia, il-Kap tal-Amministrazzjoni tal-ITS f’Għawdex Jesmond Borg u Hans Friederich, membru tal-board SUNx Malta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *