B’investiment ta’ €350,000 mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-Emergency Response and Rescue Corps żiedet il-faċilitajiet tagħha bl-introduzzjoni ta’ hydro-ambulance u rescue jet ski.
Il-faċilitajiet il-ġodda tnedew fil-port tal-Imġarr mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
Għal dawn l-aħħar disa’ snin, l-ERRC provdiet servizzi professjonali ta’ lifeguard fil-ħames bajjiet f’Għawdex u tnejn f’Kemmuna.
Il-President tal-ERRC Monsinjur Joe Vella Gauci qal kif il-livell għoli ta’ servizz tal-ERRC kisbilha l-għarfien internazzjonali.
“Hu ta’ pjaċir li nkomplu noffru dan is-servizz hekk li bħala ERRC qegħdin dejjem intejjbu s-servizz u nikkultivaw dak li għandna bil-għan li l-pubbliku jkun dejjem moqdi.”
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet kif, matul is-sajf tas-sena 2019, l-ERRC assistit mas-6,800 persuna f’każijiet li kienu jvarjaw minn feriti ħfief għal oħrajn li kienu jeħtieġu li l-persuni assistiti jittieħdu l-isptar b’emerġenza.
“B’investiment ta’ €350,000 il-Ministeru għat-Turiżmu jara li kull sena is-servizzi li aħna noffru f’Għawdex u Kemmuna jkun wieħed eċċellenti. Aħna qed naraw dan l-investiment bħala wieħed importanti ħafna għaliex ikun qed inaqqas il-ħin ta’ meta pazjent ikollu bżonn is-servizz u jingħata l-attenzjoni li jkollu bżonn.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri faħħar l-ERRC għas-servizzi professjonali li ilhom joffru għal dawn l-aħħar disa’ snin, kemm ta’ salvataġġ, kif ukoll sabiex jipprevjenu sitwazzjonijiet ta’ emerġenza f’ħames bajjiet f’Għawdex u f’żewġ bajjiet f’Kemmuna.