Il-pulizija qed tinvestiga tentattiv li allegatament sar minn Yorgen Fench biex jimporta f’pajjiżna cyanide, kimika velenuża li tista’ toqtol lin-nies.
Qal dan l-Ispettur Kurt Zahra fil-proċess tal-kontro eżami waqt il-kumpilazzjoni tan-negozjant Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-ispettur Zahra qal li l-pulizija tinsab fit-tielet fażi ta’ investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.
Għall-mistoqsijiet tal-avukat u d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, l-ispettur Kurt Zahra qal li fl-interrogazzjoni Yorgen Fenech ma wera l-ebda rimors li nqatlet Daphne Caruana Galizia.
L-Avukat Charles Mercieca, li qed jidher għal Yorgen Fenech qal li nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar l-mara ta’ Yorgen Fenech, Marlene Fenech irċeviet telefonata mill-mobile ta’ Yorgen Fenech, meta dan il-mobile jinsab għand il-pulizija. Il-każ ġie irrappurtat lill-pulizija.
L-avukat Mercieca wera tħassib tiegħu ukoll li messaġġi li kienu fil-mobile ta’ Yorgen Fenech spiċċaw f’idejn il-media.
L-ispettur Kurt Zahra qal li l-mobile jinsab f’idejn il-Europol f’The Hague, l-Olanda.
L-ispettur Kurt Zahra ċaħad li l-pulizija tat aċċess lil parte civile, lil Jason Azzopardi, il=kontenut mill-mobile ta’ Yorgen Fenech.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-ispettur Keith Arnaud u l-ispettur Kurt Zahra.