“Anki lili kien hedded li se joqtol lil binti. Kien anki ħariġha tqila apposta biex tkun miegħu. Meta kienet tqila kien isawwatha u taha daqqa ta’ sieq.”
Xehdet dan Miriam Chetcuti, omm Chantelle Chetcuti li allegatament nqatlet mill-eks sieħeb tagħha Justin Borg. Miriam Chetcuti dehret fl-awla fuq siġġu tar-roti.
L-omm anki ppreżentat lill-Qorti xi ritratti tal-ġrieħi li kellha bintha li skont hi għamilhomlha l-imputat.
Omm Chantelle ma riditx issemmi l-isem ta’ Justin għax qalet li ma tridx isemmi ismu għax dak monstru.
Mix-xhieda ħareġ li l-vittma kienet ilha taf lil Justin Borg minn meta kellha tlettax jew erbatax-il sena għax kienu ħbieb.
Kompliet tgħid li l-koppja kien ikollhom ħafna argumenti.
Xehdet li tliet ijiem qabel inqatlet Chantelle, l-imputat dejjem kien qed jiġri warajha, kien qed ikun wara l-bieb u jgħidilha li jekk ma tiġix lura joqtolha. Kien anki jorqod barra darha fil-karozza tiegħu.
Dwar il-ġurnata tal-qtil, omm Chantelle qalet li tiftakar li ċemplulha bejn it-tmienja u d-disgħa ta’ filgħaxija biex tmur l-għassa tal-Pulizija.
Intant il-Maġistrat Rachel Montebello ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat mixli bil-qtil ta’ omm iż-żewġ uliedu.