ESKLUSSIVA: Jesper Kristiansen huwa t-tielet suspettat li ġie arrestat fi Spanja b’rabta mal-qtil doppju – One News

Notifiki

ESKLUSSIVA: Jesper Kristiansen huwa t-tielet suspettat li ġie arrestat fi Spanja b’rabta mal-qtil doppju

Jesper Kristiansen huwa r-raġel li ġie arrestat ilbieraħ wara nofsinhar f’Cádiz fi Spanja wara li l-pulizija Maltija qed tqisu bħala t-tielet suspettat fil-qtil doppju f’Tas-Sliema.

Kristiansen, li huwa Daniż, ħarab minn Malta b’titjira lejn Barċellona nhar il-Ġimgħa filgħodu.

F’ħidma konġunta mal-awtoritajiet Spanjoli, Kristiansen ġie arrestat l-Ħadd wara nofsinhar f’lukanda f’Cádiz.

Cádiz hija belt fir-reġjun ta’ Andalusia fin-nofsinhar ta’ Spanja, ftit ‘l bogħod mill-Marokk.

Dan ifisser li d-Daniż vjaġġa aktar minn disa’ mitt kilometru biex wasal f’din il-belt wara li rifes Barċellona.

Issa huwa mistenni li Kristiansen jibda jaffaċċja proċeduri f’Qorti Spanjolia sabiex imbagħad is-suspettat fil-qtil tal-koppja jiġi estradit lejn Malta.

Ladarba jerġa’ jirritorna f’pajjiżna huwa mistenni jitressaq il-Qorti akkużat bl-involviment tiegħu fil-qtil doppju ta’ Dr. Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.

Sa issa tressqu quddiem il-Qorti f’Malta, Daniel Muka u Viktor Dragomanski.

Muka mill-Albanija u Dragomanski mill-Maċedonja ta’ Fuq ġew arrestati u tressqu l-Qorti akkużati bi qtil doppju u li serqu deheb. Sa issa huma nżammu arrestati.

F’inqas minn ġimagħtejn wara li seħħ dan il-qtil doppju, il-pulizija irnexxilha isolvi dan l-omiċidju li seħħ it-Tlieta 18 t’Awwissu.

Intant il-pulizija għadha ma sabitx id-deheb li allegatament insteraq minn fuq il-koppja.

Mhux eskluż li d-deheb qiegħed fil-pussess tat-tielet suspettat.

Il-Ħamis li ġej se tibda l-kumpilazzjoni fil-konfront tal-Albaniż Daniel Muka.

It-Tnejn filgħodu, il-Maġistrat Nadine Lia infurmat lill-avukati li hi kienet waħda mix-xhieda fil-każ li kellu Muka b’rabta ma’ serq ta’ ġojjellerija minn Diamonds International.

Madankollu l-avukati ma sabu l-ebda oġġezzjoni u għaldaqstant il-kumpilazzjoni ta’ Muka se tibda kif pjanat filwaqt ta’ Dragomanski se tibda fid-9 ta’ Settembru quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend