BIL-FILMAT: Iqabbel lilu nnifsu ma’ Rocky Balboa  – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Iqabbel lilu nnifsu ma’ Rocky Balboa 

Bernard Grech ikkonferma li saret offerta mingħand il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo sabiex jeħodlu postu bħala Viċi-Kap, basta li Grech jirtira ruħu mit-tellieqa għall-Kap.

“Kont nippreferi li kieku ġiet diskussa ftit miegħi din l-offerta qabel ma saret pubblika.”

Fuq l-istazzjon Fliving, il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista ta x’jifhem li Arrigo jew xi ħadd ieħor min-naħa tal-fazzjoni ta’ Delia qed tagħmel pressjoni sabiex it-tellieqa għall-Kap ma ssirx.

Biex għamel dan il-punt, Bernard Grech ġab eżempju bit-tesserati.

“Jien tippreokkupani li xi ħadd, mhux qed ngħid hawnhekk għal Robert imma ovvjament jista’ jkollu parir biex jgħid hekk, mhux qed jgħid li xi ħadd ġiegħlu jgħid hekk, imma tinkwetani li xi hadd jixtieq jigbed it tapit minn taħt it-tesserati.”

Waqt il-programm għamlu interventi diversi partitarji Nazzjonalisti. Waħda minnhom ma qagħditx togħmodha u lil Grech qaltlu f’wiċċu li qed jintuża mill-fazzjoni li sfiduċjat lil Adrian Delia, dik ta’ Simon Busuttil.

“Tiħux għalik, inti tgħid li m’hemmx fazzjonijiet però ħafna nies qed jaraw li hemm fazzjoni dawk li qed jinqdew bik li fi tliet snin ħlief bsaten fir-roti lejn il-Kap m’għamlux. Fuq kollox, ħadd minn dawk id-deputati li ħaduha kontra Dr Delia ma ħareġ għonqu biex jiħdulu postu.”

Kompliet tgħid li l-Partit se jibqa’ maqsum.

“Partit maqsum għandna u hekk ser jibqa’. Grazzi ħafna.”

Evidentament maqbud fuq sieq waħda, il-favorit tal-fazzjoni Busuttil prova jbenġilha billi jgħid li t-telefonati qegħdin isiru minn partitarji tal-Kap.

“Id-domandi kienu ċari minn persuni li donnhom qegħdin attenti mhux għax jissapportjaw lili imma għax jissaportjaw lil xi ħaddieħor.”

Fil-fatt fi grupp ristrett ta’ partitarji ta’ Grech fuq Facebook saru allegazzjonijiet li t-telefonati kienu kkordinati minn xi sular partikolari u b’mod sistematiku.

Intant, meta mistoqsi dwar il-kandidatura tiegħu, l-avukat Grech spiċċa jqabbel lilu nnifsu mal-karattru Rocky Balboa, interpretata minn Sylvester Stallone.

“Qisek għandek fi żmien fil-films għal min jiftakar ta’ Rocky 1, 2, 3, 4…żgur mhux qed nagħmillu riklam, m’għandux bżonn ir-riklam tiegħi sewwa u inti tara lil dan dak iż-żmien kienu jpinġuh ir-Russu per eżempju jew l-Amerikan sinjur li jittrainja fil-gym, kollox perfett u Rocky jiġri fuq ir-ramel u jerfa’ l-ġebel u jittrainja wkoll. Jien bħalissa hekk, bħalissa qiegħed barra l-binja.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *