Il-futur taż-żewġ viċi-kapijiet Nazzjonalisti David Agius u Robert Arrigo huwa inċert hekk kif it-tnejn li huma ma taw l-ebda konferma li se jibqgħu fil-karigi tagħhom jekk Bernard Grech ikun magħżul mit-tesserati sabiex ikun Kap Nazzjonalista.
Il-MaltaToday irraportat li Bernard Grech għadu ma ltaqax la ma wieħed u lanqas l-ieħor mill-viċi kapijiet biex ikun diskuss il-futur tagħhom taħt it-tmexxija ta’ Grech.
L-istatut Nazzjonalista jorbot liż-żewġ viċi kapijiet fil-karigi tagħhom sal-elezzjoni ġenerali li jmiss, sakemm ma jirriżenjawx huma minn jeddhom.
Bħalissa Arrigo huwa wkoll il-kaxxier wara li ma nstab ħadd flok Antoine Zammit li kien kaxxier.
Dan kien dam biss mill-Milied sa San Stiefnu fil-kariga wara li ONE News kixef kif kien tella’ filmati fuq Youtube wara li l-kaxxa li tipprovdi xandir illegali ta’ eluf kbar ta’ stazzjonijiet waqfet turi l-films pornografiċi.
Sadanittant jidher li t-taħwid u l-ġlied li għal sajf ieħor ħakem lill-Partit Nazzjonalista qed jaffettwa anke liż-żewġ viċi-kapijiet.
Fil-fatt Robert Arrigo kkonferma mal-MaltaToday li għadu ma ltaqax ma’ Bernard Grech. Mistoqsi għaliex, Arrigo stieden lill-gazzetta sabiex tagħmel dik il-mistoqsija lil Grech.
Jekk iż-żewġ viċi kapijiet jibqgħu anka wara li jitla’ Bernard Grech, dan tal-aħħar se jsib żewġ viċi kapijiet leali għal Adrian Delia, li skont il-MaltaToday tħalli lil kap il-ġdid b’idejh marbutin.
Fl-eventwalità li Bernard Grech jilħaq Kap Nazzjonalista, ikun jista’ jneħħi lil Arrigo minn kaxxier tal-partit iżda mhux minn Viċi Kap.
U f’konferma ta’ kif jidher li l-ġlied fl-istamperija se jkompli anka jekk jitlaq Delia u jidħol Grech minfloku, Arrigo kien xettiku dwar kemm Grech jista’ jgħaqqad il-Partit Nazzjonalista mill-ġdid.