Il-Korp tal-Pulizija se jkun qed igawdi mis-servizz ta’ 31 spettur ġdid. Minn dawn l-ispetturi, 25 huma rġiel filwaqt li s-sitta l-oħra huma nisa.
Din iċ-ċerimonja saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, fejn preżenti kien hemm il-Ministru għall-Intern is-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.
Il-Ministru Camilleri ħeġġeġ lil dawn l-ispetturi l-ġodda biex jieħdu l-inizjattiva u jkunu huma li joħorġu hemm barra u jagħmlu d-differenza. Il-Ministru faħħar is-suċċess li kiseb il-Korp f’dawn l-aħħar jiem u fil-messaġġ tiegħu appella lill-ispetturi biex ikunu l-muturi għall-ħidma favur pajjiż iktar sigur.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li l-ispetturi l-ġodda jridu jagħfsu aktar fuq l-effiċjenza u l-effettività, fejn fakkarhom ukoll fid-dixxiplina u l-kontabbbilita. Il-Kummissarju qal ukoll mhux biss ikunu fit-toroq sabiex jipproteġu lin-nies, iżda wkoll jitkellmu magħhom.
Wara l-ħatra tat-Tnejn, dawn l-ispetturi l-ġodda se jattendu kors ta’ sentejn fl-Università ta’ Malta.