Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li filwaqt li l-poplu huwa magħqud b’sens ta’ għaqda nazzjonali fi żmien il-pandemija, l-oppożizzjoni hija mifruda u magħluqa fiha nnifisha tagħmel l-elezzjoni interna għall-kap.
Stqarr li huwa ma jimpurtahx min ser ikun kap tal-Partit Nazzjonalista għaliex hija ċara li ħadd miż-żewġ kandidati m’għandu viżjoni għal dan il-pajjiż.
“Li qed nara aw iżda hija ċara. Żewġ persuni li m’għandhom l-ebda viżjoni għall-pajjiż tagħna. Kemm il-Partit Nazzjonalista dawn iż-żewġ kandidati wkoll m’għandhom l-ebda viżjoni ekonomika. Segwejt id-diskors taż-żewġ kandidati. Mingħajr l-ebda viżjoni soċjali. Mingħajr viżjoni għad-drittijiet ċivili ġodda. Mingħajr viżjoni ambjentali. Tispikka fihom is-superfiċjalitá fl-argumenti tagħhom.”
Il-Prim Ministru kompla jgħid kif ikun min ikun kap tal-Partit Nazzjonalista, huwa ser jibqa’ mdawwar bl-istess nies li wasslu lill-oppożizzjoni fis-sitwazzjoni mwegħra li tinsab fiha llum.
Innota kif b’kuntrast mal-Gvern li sa mill-bidu tal-pandemija għamel deċiżjonijiet bilanċjati u effettivi, l-oppożizzjoni dejjem kienet fuq in-naħa ħażina tad-deċiżjonijiet. F’dan id-dawl, qal li huwa jinsab ċert li l-poplu qed jixtarr dan kollu fis-skiet ta’ dahru.
“Persaważa illi n-nies illum fil-kwiet tad-dar tagħhom qiegħda tixtarr dan kollu, qiegħda tagħmel l-analiżi, l-analiżi tant tajba li n-nies dejjem jagħmlu li jafu min qed jaħdem għall-ġid tal-pajjiż f’mument tant diffiċli għad-dinja kollha. Min qed jieħu d-deċiżjonijiet diffiċli li jista’ jkun ma jkunux popolari wkoll, imma għax għandna għal qalbna lil pajjiżna, min-naħa l-oħra partit imfarrak li moħħu fih innifsu aktar milli moħħu fin-nies.”
Huwa għamel id-domanda rettorika ta’ x’kien jiġri mill-pajjiż kieku l-Partit Nazzjonalista kien fit-tmexxija fl-aħħar xhur fejn id-dinja ntlaqtet mill-pandemija.
Stqarr li din ukoll hija l-għażla li l-poplu ser ikollu quddiemu fix-xhur li ġejjin u li persważ li n-nies ser jagħżlu lil min verament għandu lill-pajjiż u lil poplu għal qalbu.