Li tkun Gay xorta waħda għandek dritt tħobb il-Knisja li temmen fiha – One News

Notifiki

Li tkun Gay xorta waħda għandek dritt tħobb il-Knisja li temmen fiha

Li tkun gay, għandek kull dritt bħal ħaddieħor. Xejn iżjed, xejn inqas. Ħadd ma għandu jitkaża bik. Ħadd ma għandu jħares lejk qisek xi dinosawru. Ħadd ma għandu jpespes fuqek. Inti bniedem uman bħal ħaddieħor. Ma għażiltx li tkun gay bħal meta tagħżel li tmur tiekol f’restorant u mhux f’ieħor jew inkella li tixtri xi libsa u mhux oħra. Huma ħmerijiet assoluti l-frażijiet u ħsiebijiet li ‘dak sar gay għax kellu xi influwenza’ jew għax għex ma’ Ġanna jew Martina. Irridu naslu f’punt li dawn iċ-ċuċati jieqfu jingħaddu. Irridu naslu f’punt li kulħadd ikun matur biżżejjed li jifhem u mhux ninfluwenzaw rwieħna minn min qali il-frażi għax ikun popolari.

Huwa minnu li jkun hemm min idum biex jaċċettaha jew jifhem jew inkella jħossu beżgħan. Dan għaliex is-soċjetà għal żmien twil ħafna, dejjem ippreżentat n-normalità f’raġel u mara li jinħabbu flimkien. Ma nlumx il-passat għaliex hekk kienet taf is-soċjetà. Hekk tgħallmet u hekk għallmuha. U r-raġunijiet kienu diversi fosthom ir-reliġjonijiet. Imma jien dejjem staqsejt lili nnifsi; kif ngħidu li Alla jaċċetta u jħobbna kif aħna u mbagħad nisimgħu li għax int gay huwa donnu dnub?! Hija kontradizzjoni kbira u qawwija. Nemmen li għad jasal żmien fejn il-knisja tirrealizza li l-uman hu min hu, hi min hi, huma kif inhuma, huma kollha maħluqa fuq xbieha t’Alla.

Ftit jiem ilu ġejt maħtur chairperson tal-LGBTIQ+ Consultative Council fi ħdan il-Gvern. Kariga li għalija tfisser ħafna u beħsiebni nkompli naħdem għall-ugwaljanza. Mhux se nirsisti biex inkunu aqwa min-nies li s-soċjetà għadha ssejjaħ ‘normali’. Se nirsisti biex tkompli tissaħħaħ l-ugwaljanza ta’ nies t’orjentazzjoni sesswali differenti u hawn ninkludu persuni bi-sesswali, transgender u iżjed u iżjed. Ser nirsisti biex ħadd ma jħossu maqtugħ. Aħna lkoll għandna d-dritt ngħixu kuntenti u liberi. Wara kollox, għaliex tintuża l-kelma ‘normali’? Dak li int tara normali, għalija forsi mhux. Dan li jien inqis normali, għalik forsi mhux. In-normali hu, li kulħadd jgħix fis-serenità bla ebda biża’ li se jkun iġġudikat jew ikkastigat għax hu min hu jew hi min hi. Alla stess jgħid: “Tiġġudikawx għax tkunu ġġudikati!” Insellem lil Onor. Rosianne Cutajar, Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza taħt il-Ministru Edward Zammit Lewis li flimkien għoġobhom jafdawni f’din il-kariga. Insellem lil dawk ta’ qabli li diġà wettqu ħafna xogħol u lil dawk preżenti li ġew maħtura biex ikunu f’dan il-kunsill konsultattiv… flimkien ser inkomplu noħolqu l-ġid.

Nispiċċa fuq nota veru sabiħa; ftit jiem ilu rċevejt invit mill-Knisja tan-Naxxar għal okkażjoni ta’ żmien il-festa fejn stednuni flimkien mar-raġel tiegħi. Ma nistax ma nesprimix il-ferħ li ħassejt u s-sodisfazzjon li fl-aħħar, il-Knisja li jien dejjem ħabbejt, irrikonoxxietni li jien u żewġi umani bħal ħaddieħor wara kollox. U għaliex le? Kważi kważi għaliex għandha tkun aħbar din? Kristu jgħid ‘ħobbu lil xulxin’ le? Mela din għandha ssir normalità mhux eċċezzjoni. Kelli l-okażjoni nitkellem mal-Arċisqof ta’ Malta ftit wara, fejn irringrazzjajtu ta’ dan il-pass u berikni lura. J’Alla nimxu ‘l quddiem. J’Alla jispiċċa ż-żmien tad-differenzi għax dak hekk jew dik hekk… inkella kif nistgħu nistagħġbu li aħna kultant razzisti meta anke f’uman nagħmlu d-differenzi sempliċiment ħabba l-orjentazzjoni?  Papa Franġisku wkoll tenna li l-knisja trid tinfetaħ għal kulħadd; u kulħadd tfisser verament kulħadd bl-ebda ‘disclaimers’.

Nieħu l-okkażjoni nsellem lill-komunità lgbtiq+ f’pajjiżna, u anke dawk li jħaddnu reliġjonijiet differenti. Bl-ebda mod ma rrid nimponi r-reliġjon li nħaddan jien. Xtaqt biss nagħmel punt fejn nispjega li f’kull aspett, għandha tirrenja l-ugwaljanza.

Ta’ QabelLi Jmiss
Clifford huwa ggradwat fl-Istorja ta' Malta kif ukoll b'Masters fl-istudju Barokk. Serva wkoll bħala ġurnalist fil-kamra tal-aħbarijiet ta' ONE u pproduċa u ppreżenta diversi programmi f'dan l-stazzjoni; l-aktar b'tema kulturali u storika. Ippubblika wkoll ktieb bl-istorja tiegħu dwar 'addiction' fejn bħalissa beda wkoll l-istudju għall-PHD fuq dan is-suġġett

1 Comment

  1. Għandek raġun. Imma l-problema hija l-knisja u tal-knisja u l-partit tal-lemin li miegħu l-knisja tħokk spalla ma’spalla. Il-bniedem liberu jemmen f’min irid. Alla wieħed hemm u Hu ta’ kullħadd u tal-ebda knisja.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *