L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA qed twissi lil diversi periti u professjonisti oħra fis-settur tal-industrija tal-kostruzzjoni dwar informazzjoni skoretta li qed tingħata minn kumpanija fis-settur privat.
Din il-kumpanija qed tallega li l-iskill cards se ssir obbligatorja għal kull min jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni. Intqal ukoll kif din se ssir mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u dawk li jinstabu mingħajrha se jkunu mmultati.
Iżda dwar dan, ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Dr. Mark Gauci qal kif dan li qed ikun allegat mhuwiex minnu, hekk kif is-sistema tal-iskill card għadha qed tinbena.
“Is-sistema għadha qed tinbena, għad hemm numru ta’ snajja oħra u ta’ professjonisti li jridu jiddaħħlu fis-sistemà u allura mhux fil-ħsieb li s-sistema ssir obligatorja fi żmien qasir.”
Dr. Gauci qal magħna li l-idea ta’ skill card nibtet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà u għadha mhux regolata bil-liġi, u se tkun qed tiġi amministrata mill-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni.
Il-proċess biex ħaddiem jingħata l-iskills card beda erba’ snin ilu.
Dan huwa proġett li se jserraħ moħħ il-konsumatur li s-servizz li qed jirċievi jingħata minn persuni kkwalifikati fl-industrija tal-kostruzzjoni.
Fl-istess ħin dan il-proġett ittejjeb l-istandards fl-industrija, il-prattiċi tas-saħħa u sigurtà u jagħti għarfien xieraq lill-ħiliet u snajja tal-ħaddiema kwalifikati.