Diversi setturi jirrapurtaw tkabbir minkejja l-imxija – One News

Notifiki

Diversi setturi jirrapurtaw tkabbir minkejja l-imxija

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika aktar kmieni din il-ġimgħa kkonferma li d-dħul tal-ħaddiema Maltin żdied b’erbgħa fil-mija, fid-dawl tal-Coronavirus.

Dan għall-kuntrarju  ta’ diversi pajjiżi Ewropej oħra fejn id-dħul tal-ħaddiema sofra daqqa ta’ ħarta liema bħala.

Dan għaliex Malta implimentat restrizzjonijiet, iżda ma mponietx lockdown totali, biex b’hekk l-impatt ekonomiku li ħalliet il-pandemija nħass inqas minn pajjiżi oħra.

Filfatt matul l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, is-settur tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni ra tkabbir sostanzjali ta’ sebgħa punt ħamsa fil-mija filwaqt li s-settur tal-gaming żdied b’sitta punt sitta fil-mija u s-settur tal-propjetà żdied b’ħamsa punt sebgħa fil-mija.

Dan filwaqt li s-servizzi finanzjarji u s-settur pubblika raw tkabbir ta’ wieħed punt ħamsa u tnejn punt sitta fil-mija rispettivament. 

Bħalma kien mistenni ġiet innotata bidla fis-setturi lokali hekk kif l-attività fis-settur turistiku naqset b’disgħa u għoxrin punt tmienja fil-mija u ġie rrapportat ukoll tnaqqis fis-settur tal-agrikolutura u s-sajd u fil-produzzjoni tal-elettriku u l-ilma fost oħrajn iżda t-tnaqqis f’dawn is-setturi kien b’mod sinifikanti ħafna inqas minn dak fis-settur turistiku.

Minkejja dan, il-pakkett ta’ riġenerazzjoni ekonomika evita mal-mitt elf sensja u rapport tal-Bank Ċentrali nnota wkoll li minkejja t-tnaqqis fil-ġid nazzjonali, l-impatt fuq ix-xogħol Malti mistenni jkun limitat.

Esperti tal-istess bank ċentrali fl-aħħar tbassir tagħhom diġà qed jinnotaw sinjali ta’ stabbilizzazzjoni fit-tielet kwart ta’ din is-sena.

Dan apparti li qed ibassru li s-sena d-dieħla l-ekonomija se tikber b’rata ta’ sitta punt wieħed fil-mija li se jagħmel tajjeb għat-tnaqqis osservat din is-sena.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *