Ġuvni ta’ 17-il sena u raġel ta’ 26 sena mill-Imqabba qed jinżammu arrestati wara li nqabdu bid-droga f’Marsaskala.
Dan wara li lbieraħ filgħaxija f’ħidma oħra mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u minn tfittxija li saret fil-vettura u fuq l-irġiel, instabu diversi pakketti b’sustanza allegatament droga cannabis u kokaina, kif ukoll oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga.
Ġie stabbilit ukoll li l-vettura kienet qed tinstaq mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni.
L-irġiel ġew arrestati fuq il-post u ttieħdu l-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.