Il-Mużew Malta fil-Gwerra fil-Birgu huwa wieħed minn erba’ siti storiċi li fl-aħħar jiem ġew rikonoxxuti mill-akbar pjattaforma għall-ivvjaġġar, Tripadvisor.
Ingħataw dan l-istess rikonoxximent il-Forti Rinella fil-Kalkara, is-Saluting Battery fil-Belt u Lascaris War Rooms li huma amministrati minn Fondazzjoni Wirt Artna.
Ir-rikonoxximenti minn Tripadvisor isiru abbażi tal-kummenti u s-suġġerimenti li jagħtu t-turisti lil postijiet u attrazzjonijiet li jkunu żaru matul il-btala tagħhom.
Iċ-chairman u Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Wirt Artna Mario Farrugia sostna li dan ir-rikonoxximent huwa frott tal-isforzi kontinwi biex dak li jagħmilna Maltin ikun esebit bl-aqwa mod possibbli għal kull min iżurna.
“Il-Fondazzjoni Wirt Artna ilha tikseb awards mingħand it-Trip Advisor għas-siti tagħha fuq livelli differenti sa’ mill-2014. Filfatt b’mod konsekuttiv il-mużewijiet tagħna ingħataw awards minn Trip Advisor u din hija l-ewwel darba fejn il-fondazzjoni Wirt Artna qed tikseb l-award tat-travellers għas-siti tagħha kollha.”
Il-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha u tal-Gvern għal dan l-ogħla rikonoxximent li rċeviet il-fondazzjoni.
Fissret kif dan l-investiment tal-Gvern fit-turiżmu qed iħalli l-frott mixtieq.