Laqgħa pożittiva ferm dwar il-protokolli għall-ftuħ tal-iskejjel… se jiġu ppubblikati fiż-żmien li ġej – One News

Notifiki

Laqgħa pożittiva ferm dwar il-protokolli għall-ftuħ tal-iskejjel… se jiġu ppubblikati fiż-żmien li ġej

Il-Ġimgħa filgħodu saret laqgħa pożittiva ferm bejn il-Ministru tal-Edukazzjoni, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci u l-unjin tal-għalliema, l-MUT.

Fil-laqgħa ġew diskussi l-protokolli li ħejjew l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika għall-ftuħ tal-iskejjel f’Malta.  Dawn il-protokolli se jiġu ppubblikati fil-jiem li ġejjin sabiex isiru l-konsultazzjonijiet meħtieġa ma’ numru ta’ partijiet oħra involuti.

Il-President tal-MUT, Marco Bonnici stqarr li l-unjin tinsab sodisfatta bid-djalogu li hemm bħalissa u l-involviment tagħha fid-diskussjoni.

Is-Sur Bonnici stqarr: “L-importanti huwa li nkunu nafu eżattament x’inhu għaddej, li nagħtu l-input tagħna, li naraw li dak l-input qiegħed jinstema’, u minn dak l-lat m’għandna l-ebda problema. Issa l-importanti li nibqgħu għaddejjin bl-istess mod, l-istess andament għall-erba’ ġimgħat li ġejjin.”

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici spjega kif il-Gvern huwa impenjat li jżomm id-diskussjonijiet għaddejjin mal-partijiet kollha konċernati sabiex il-protokolli mfassla jkunu ta’ ġid għall-istudenti u l-edukaturi.

Huwa sostna: “Aħna kommessi li nkomplu niddjalogaw mhux biss mal-MUT imma anke mal-istakeholders ewlenin u fil-fatt għandna numru ta’ laqgħat skedati u se nkomplu għaddejjin bihom fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.”

It-Tnejn li ġej se ssir laqgħa bejn il-Ministri tal-Edukazzjoni u dawk tas-Saħħa tal-istati membri Ewropej, flimkien mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.

Din il-laqgħa mistennija tintuża bħala għodda importanti biex jiġu stabbiliti aħjar il-protokolli għall-ftuħ tal-iskejjel fit-28 ta’ Settembru li ġej.

Waqt l-aġġornament mediku li tat is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika dwar l-imxija hija stqarret li l-użu tal-maskri ser ikun kruċjali fi skejjel bi studenti ta’ ‘l fuq minn 11-il sena.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet: “Niftakru t-tfal taħt it-tlett snin ma jilbsux il-maskri pero niftakru li t-tfal l-oħra waqt li jkunu fil-klassi sa issa r-rakomandazzjoni hija li ma jintlibsux waqt il-klassi. Imma jekk huma ħerġin fil-kuritur, sejrin it-toilet, jew inkella ħerġin postijiet oħra fejn jistgħu jiltaqgħu jew ma’ tfal oħra jew edukaturi oħrajn, hemmhekk iridu jintlibsu l-maskri, u anke skond ma ħarġet ir-rakomandazzjoni l-għaqda dinjija tas-saħħa t-tfal ‘il fuq minn ħdax-il sena għandhom jilbsu l-maskri l-ħin kollu.”

Kienu bosta li anki tkellmu favur il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel fosthom il-Kummissarju għat-Tfal.

Pauline Miceli appellat sabiex jinfetħu l-iskejjel għall-istudenti f’Settembru, bil-miżuri u l-prekawzjonijiet kollha kontra t-tixrid tal-Covid-19.

Il-Kummissarju għat-Tfal tkellmet dwar l-effetti negattivi li jsofru minnhom it-tfal billi jibqgħu jirċievu l-edukazzjoni tagħhom imsakkrin f’darhom minflok f’ambjent sigur fi skola.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend