Notifiki

Ifiqu 65 persuna oħra mill-Covid-19 u jfeġġu 32 każ

Tul dawn l-aħħar erbgħa u għoxrin sena fiequ ħamsa u sittin persuna oħra mill-Covid-19 u feġġew tnejn u tletin każ ġdid minn elfejn, mija u disgħa testijiet li saru.

Waqt il-bulettin mediku ta’ kull ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmiane Gauci spjegat li bħalissa fl-isptar Mater Dei hemm ħames persuni qed jinżammu fit-taqsima għall-mard infettiv filwaqt li tlieta oħra jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Minkejja dan hi sostniet li n-numru ta’ nies infettati f’Malta huwa pjuttost żgħir tant li issa s-sitwazzjoni qed tistabbilizza ruħha.

Fil-fatt, il-Professur Gauci qalet li s-sitwazzjoni qiegħda tiġi sorveljata kull ġimgħa u jidher li n-numru ta’ każijiet qed jonqos. Hi kompliet tgħid li l-miżuri jidher li ħallew impatt pożittiv u appellat sabiex dawn jiġu mħarsa mill-pubbliku.

Hija qalet: “Sitwazzjoni li qiegħda tvarja minn ġurnata għall-oħra. Infakkarkom li n-numru tal-każijiet tagħna huma numri li huma pjuttost żgħar u allura jkun hemm varjazzjoni però jekk tħares lejn it-trend line naraw bil-mod il-mod kif tlajna ‘l fuq issa wkoll qegħdin bil-mod il-mod ikollna każijiet li qiegħda tistabbilizza wkoll.”

Meta mistoqsija dwar il-klassifikazzjoni ta’ Malta meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fir-rata ta’ testijiet, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika rrimarkat għan-numru qawwi ta’ testijiet għall-Covid-19 li qed jiġi reġistrat f’pajjiżna.

Il-Prof. Gauci kompliet tispjega: “Jekk tħares naqra lejn il-positivity rate li tippubblika l-ECDC, jekk tħares lejn l-iktar pajjiż li għandu rata li hija għolja li hija Spanja, il-positivity rate hija ta’ 7.8 jiġifieri hemmhekk hija rata li għolja ħafna. Jekk tħares lejn Malta, il-positivity rate tagħna hija 1.78 u f’dan ir-ranking tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li l-ECDC tagħmel moniteraġġ tagħhom, aħna bħala positivity rate qegħdin it-12th country jekk tibda l-ewwel wieħed l-iktar għoli huwa Spanja.”

Il-Professur Gauci ħabbret li mill-Ġimgħa mhux ser ikun permess li jsiru attivitajiet fejn in-nies ikunu bilwieqfa. Dan filwaqt li minn nofsillejl tal-istess ġurnata, ir-Repubblika Ċeka u t-Tuneżija żdiedu fuq il-lista l-oranġjo.

Permezz ta’ din il-miżura diġà saru disgħa u disgħin test fl-ajruport u li minnhom irriżultaw tliet każijiet fil-pożittiv u b’hekk ġie evitat li dawn l-persuni ferrxu l-virus fil-komunità.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend