Għall-ħabta tal-23:00 tal-Erbgha filgħaxija, il-pulizija arrestat raġel ieħor ta’ nazzjonalità barranija b’rabta mal-qtil f’doppju f’Tas-Sliema.
Fi stqarrija l-pulizija qalet li kellha informazzjoni li persuna involuta f’dan id-delitt kien qed jistaħba ġewwa lukanda fil-Gżira u wara xi ħin ta’ sorveljanza, il-post ġie ċċirkondat u bdiet l-operazzjoni.
Kif irrapporta ONE News, it-tieni suspettat prova jaħrab lill-pulizija, meta marru biex jarrestawh. L-arrest sar bejn Tas-Sliema u l-Gżira, bit-tieni suspettat qabeż minn xi bjut u gallariji sabiex jipprova jaħrab lill-pulizija.
Il-pulizija reġgħet wettqet operazzjoni oħra ta’ suċċess u issa għandha f’idejha lit-tieni suspettat fil-qtil ta’ Dr Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski, li nqatlu fit-18 ta’ Awwissu f’dar lussuża f’Tas-Sliema.
Intant, Daniel Muka mistenni jitressaq il-Qorti l-Ħamis filgħodu u jiġi mixli b’għadd ta’ akkużi fosthom bl-akkużi ta’ qtil doppju. Huwa ġie arrestat f’operazzjoni fil-Furjana t-Tlieta wara nofsinhar.
Dan wara li l-jum tal-Erbgħa kien kruċjali għall-investigaturi ewlenin fil-qtil doppju f’Tas-Sliema, hekk kif għaddew sigħat sħaħ jinterrogaw lil Daniel Muka, li mhux il-ħin kollu beda jikkopera mal-pulizija.
Mhux eskluż iżda li kien Muka li ta xi indikazzjonijiet lill-pulizija dwar il-persuna l-oħra suspettata fil-qtil doppju.
F’sigħat twal ta’ investigazzjonijiet, il-pulizija qed jirnexxilha tasal qrib ħafna biex isolvi dan l-qtil doppju u l-persuni kollha involuti jitressqu l-Qorti.
F’konfereza tal-aħbarijiet aktar kmieni din il-ġimgħa, Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li kollox jindika li l-mottiv wara dan l-omiċidju kien ta’ serq.
Gafà kkonferma wkoll dak li kien żvela ONE News l-għada tad-delitt hekk kif din il-kamra tal-aħbarijiet kienet irrappurtat li nsteraq xi deheb.
Intant, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri reġa’ esprima s-sodisfazzjon tiegħu għar-rieda u d-determinazzjoni li qed juri l-Korp tal-Pulizija, hekk kif matul il-lejl kien hemm żviluppi oħra f’dan il-każ.