Testijiet forensiċi kruċjali biex inqabad Daniel Muka – One News

Notifiki

Testijiet forensiċi kruċjali biex inqabad Daniel Muka

Testijiet tad-DNA kienu kruċjali għall-pulizija sabiex waslu għal Daniel Muka, is-suspettat ewlieni fil-qtil doppju f’Tas-Sliema tat-Tlieta 18 t’Awwissu.

Meta l-pulizija sabet l-vettura, SUV bajda li ntużat fil-qtil ta’ Dr. Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski, esperti forensiċi ħadu mill-karozza, traċċi ta’ marki ta’ swaba’.

Il-karozza nstabet f’parkeġġ,  propjetà tal-RMF, qrib l-isptar San Luqa.

Esperti forensiċi mill-ewwel ħadu anki t-traċċi tal-marki tas-swaba’ minn affarijiet li nstabu fil-karozza.

It-Tlieta filgħaxija, f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li minn stħarriġ li sar, fil-karozza nstabu xi ħwejjeġ li ntużaw waqt ir-reat, xi oġġetti misruqa mid-dar ta’ Pandolfino kif ukoll il-pjanċi li dehru fuq il-vettura waqt id-delitt.

Il-Kummissarju spjega wkoll li ġol-karozza instabu ukoll żewġ armi repliki li kienu tat-tip AK47 u Thomson Rifle.

Mit-testijiet forensiċi nstab li fuq dawn l-affarijiet kien hemm il-marki tas-swaba’ ta’ Daniel Muka.

Il-pulizija qablet it-testijiet forensiċi ma dawk li ħadet fil-passat ta’ persuni li tressqu l-qorti fuq reati preċedenti.

Nifhmu li dawn il-marki tas-swaba’ qablu ma’ dawk ta’ Daniel Muka.

Kien ġimgħa ilu li allegatament Daniel Muka flimkien ma’ persuni oħra qatlu lill-koppja f’dar lussuża f’Tas-Sliema.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li kollox jindika li l-mottiv wara dan l-omiċidju kien ta’ serq.

Gafà kkonferma wkoll dak li kien żvela ONE News l-għada tad-delitt hekk kif din il-kamra tal-aħbarijiet kienet irrappurtat li nsteraq xi deheb.

“F’dan l-istadju għadu qed jiġi stabbilit x’seta nsteraq minn fuq il-post pero potenzjalment deheb minn fuq iż-żewġ vittmi. Allura il-pulizija sal-lum qegħda tqis dan il-każ bħala każ relatat ma serqa.” Stqarr il-Kummissarju tal-Pulizija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend