Se jintefqu €2.2 miljun biex jisbieħ il-Wied tar-Ramla – One News

Notifiki

Se jintefqu €2.2 miljun biex jisbieħ il-Wied tar-Ramla

Permezz ta’ fond ta’ €2.2 il-Wied tar-Ramla f’Għawdex ser jingħata dehra ġdida.

B’ħidma konġunta bejn il-Ministeru għal Għawdex flimkien mad-Direttorat EkoGħawdex ser jara tliet kilometri ta’ ħitan tas-sejjieħ jiġu rrestawrati u mibnija mill-ġdid mal-għelieqi li jagħtu fuq il-Wied tar-Ramla wara li maż-żmien dawn iġġarfu u jinsabu fi stat ħażin.

Id-Direttur tad-Direttorat ta’ EkoGħawdex, Joseph Cutajar spjega l-importanza ta’ dan il-proġett minħabba l-funzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ.

Cuajar stqarr, “Ħa jkun qed jara li dan il-ħitan tas-sejjieħ jerġa’ jinbnew mill-ġdid fejn dawn iġġarrfu u apparti wkoll l-importanza li għandu l-ħitan tas-sejjieħ mill-impatt viżiv hemm ukoll importanza li jżomm il-ħamrija milli titlaq mill-ħamrija tax-xita.”

Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li r-Ramla l-Ħamra hi post magħruf kemm mal-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll mat-turisti. Għaldaqsatant jeħtieġ li nieħdu ħsieb ukoll il-pajsaġġ agrikolu.

Il-Ministru Camilleri saħaq, “Dan huwa propju investiment kbir fix-xogħol li ser jibda fil-jiem li ġejjin u qegħdin naraw li nkomplu ninvestu fejn jidħlu toroq iżda anke fejn tidħol infrastruttura b’ambitu ambjentali. Dan huwa bilanċ li propju rridu nilħqu fil-gżira Għawdxija. Investimenti varji, investimenti li jtejbu wkoll il-kwalità tal-ambjent ta’ pajjiżna.”

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett kofinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali se jkun qed jippreserva il-wirt nazzjonali f’Għawdex.

“Żgur illi ser jsebbaħ dan il-proġett is-sbuħija ta’ dan il-post tant pittoresk kif ukoll huwa mezz kif inkomplu ngħinu dan il-qasam daqstant agrikolu illi dawn il-ħitan iservu bħala mod kif inżommu l-ħamrija tant imprezzabbli f’dawn iż-żoni.” Temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend