Min hu Daniel Muka? Is-suspettat ewlieni fil-qtil doppju f’tas-Sliema – One News

Notifiki

Min hu Daniel Muka? Is-suspettat ewlieni fil-qtil doppju f’tas-Sliema

Daniel Muka huwa Albaniż li għandu madwar 25 sena.

Huwa persuna magħruf mal-pulizija, b’passat kriminali u meqjus bħala persuna perikoluża ħafna.

Flimkien ma’ ħuh Bagtesh Muka, Daniel Muka jinsab mixli b’serqa minn ħanut tal-ġojjellerija f’Tigne.

Fil-5 ta’ Ottubru 2017, allegatament l-aħwa Albaniżi, kien daħlu fil-ħanut ta’ Diamonds Internationals lebsin parrokki u nuċċalijiet tax-xemx.

Huma kien armati b’arma tan-nar u mazza, u serqu eluf ta’ ewro f’ġojjellerija mill-ħanut li jinsab f’Tas-Sliema, inċidentalment tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn fejn inqatlet il-koppja, Dr. Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.

L-aħwa kienu waslu bil-ġiri fil-pjazza ta’ Tigne u sparaw tiri ta’ arma tan-nar lejn il-vettrini tal-ħanut.

Jirriżulta li minn din is-serqa nsterqu numru ta’ ġojjelli li jlaħħqu l-valur ta’ €330,000.

Żewg impjegati li kienu fil-ħanut waqt is-serqa ma kienu ġarrbu ebda ġrieħi iżda sofrew minn xokk qawwi.

Allegatament meta ħarġu mill-ħanut, l-aħwa Muka kienu sabu raġel ma’ wiċċhom li prova jwaqqafhom iżda dawn aggredewh b’oġġett iebes u ħarbu minn fuq il-post permezz ta’ vettura.

Ġimgħa wara fit-12 ta’ Ottubru 2017, waqt ronda li kienet qed issir minn żewġ pulizija tar-Rapid Intervention Unit, il-pulizija għokrithom għajnhom dwar żewġt irġiel suspettużi fi Triq il-Bajja f’San Ġiljan.

Kif kienu se jiġu arrestati, Daniel Muka ħareġ arma tan-nar u ppuntaha lejn iż-żewġ Pulizija, filwaqt li pprova jagħfas il-grillu bosta drabi. Fortunatament ma ġew sparati ebda tiri hekk kif l-arma ma ħadmitx. Allegatament, fil-pussess tiegħu kienet nstabet id-droga.

Daniel Muka, kien tressaq il-Qorti akkużat b’rabta ma serqa ta’ ġojjellerija minn Tignè u akkużat li prova joqtol uffiċjali tal-pulizija.

Eventalment Daniel Muka kien ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Ħuh Bagtesh Muka kien ilu sena jiġi mfittex mill-pulizija, b’rabta mas-serqa tal-ġojjellerija.

Kien fit-18 ta’ Novembru 2018 li Bagtesh kien ġie arrestat f’Ħal Safi wara li pprova jaqbeż f’żona ristretta tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Bagtesh, li kien taħt l-effett ta’ sustanza lleċità ma rnexxilux jaqbeż fiż-żona tal-Ajruport Internazzjonali għaliex hekk kif ra lis-suldati, huwa ħarab jiġri u qabeż għall-Barracks militari faċċata tal-Medavia.

Bagtesh kien ħareġ arma tan-nar u ppunta lejn uffiċjal tad-Detenzjoni fejn minnufih ġie miżmum mis-Suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta li kienu fiż-żona.

Bagtesh kien tressaq il-Qorti fuq żewġ reati.

Ġie akkużat li hedded uffiċjal pubbliku, li daħal bla permess fil-barracks ta’ Ħal Safi u li fil-pussess tiegħu kellu droga kokaina.

Dan apparti li ġie akkużat li flimkien ma’ ħuh għamel hold-up f’ħanut tal-ġojjellerija.

Bagtesh Muka anki xellef difru mal-ġustizzja f’pajjiżu fejn kien injora ordnijiet tal-pulizija u baqa’ dieħel f’ħajt wara li beda jsuq b’mod perikoluż.

Fil-karozza kienet instabet arma tan-nar.

Bagtesh Muka għadu qed jinżamm arrestat fil-ħabs f’Malta iżda Daniel Muka kien ingħata l-libertà proviżorja.

Fost il-kundizzjonijiet imposti fuqu kellu li jiffirma f’għassa tal-pulizija u fl-aħħar jiem naqas jagħmel dan.

L-aħbar tal-arrest ta’ Daniel Muka kienet rappurtata wkoll fil-midja Albaniża.

Issa Daniel Muka qed ikun meqjus mill-pulizija bħala l-moħħ wara l-qtil ta’ koppja l-ġimgħa l-oħra, f’dar lussuża f’tas-Sliema.

Ritratt: PBS

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Il-misħut ħelsien mill-arrest!!! Xi ħaġa fil-liġi mhix taħdem sew u l-għar ħaġa hi li din id-darba swiet il-ħajja ta’tnejn min-nies. Ma nifhimx kif akkużi bħal dawn iwasslu għal ħelsien mill-arrest!! Jew il-liġi jew l-avukati jew il-Qorti! Imma forsi jien injurant.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend