Matul il-jum tal-Ħadd Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo ospita laqgħa f’Malta mad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Libja.
Id-Delegazzjoni Libjana ltaqgħet ukoll mal-President ta’ Malta George Vella fil-Palazza ta’ Sant’Anton, fejn iddiskutew l-aħħar żviluppi fil-Libja u l-ħtieġa li jiġu żgurati l-iżvilupp ekonomiku u l-progress soċjali tal-Libja u tal-poplu Libjan.
Il-Ministru Bartolo esprima l-appoġġ sħiħ ta’ Malta għaż-żewġ dikjarazzjonijiet tal-Gvern tal-Akkord Nazzjonali u l-Kamra tad-Deputati f’Tobruk biex immedjatament iwaqqfu l-attivitajiet militari kollha fil-Libja.
Iż-żewġ naħat iddiskutew l-importanza tal-irwol tal-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt u tal-Bank Ċentrali tal-Libja biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u l-ħtiġijiet tal-poplu Libjan.
Matul id-diskussjonijiet, Malta tenniet ukoll l-appoġġ tagħha għal soluzzjoni politika mmexxija mil-Libja, u toffri d-disponibilità tagħha li sservi bħala mezz ta’ komunikazzjoni lejn dan l-għan.
F’dan l-ispirtu, it-tkomplija tal-proċess ta’ negozjati fil-qafas tal-Proċess ta’ Berlin immexxi min-Nazzjonijiet Maqgħuda tibqa’ t-triq il-quddiem.