Il-Fondazzjoni Arka li tamministra Dar Arka f’Għajnsielem qed tagħmel diversi investimenti biex tkompli tgħin persuni b’diżabilità kif ilha tagħmel fl-aħħar għoxrin sena kemm ilha mwaqqfa l-fondazzjoni.
Dan intqal mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Arka Michael Portelli waqt żjara li għamel il-President ta’ Malta George Vella, flimkien mas-Sinjura Miriam Vella.
Il-President Vella faħħar l-għożża u l-imħabba li jsawru l-ħidma li jwettqu l-persuni li jieħdu ħsieb lir-residenti f’din id-dar.
Fi żjara fil-Fondazzjoni OASI, il-President u martu ltaqgħu mar-residenti li qegħdin jieħdu trattament biex jegħlbu l-vizzju tad-droga u l-alkoħol. Huwa wassal messaġġ ta’ inkoraġġiment f’din il-mixja ta’ aktar dixxiplina fil-ħsieb tal-bniedem li jkun imġarrab.
Fix-Xewkija, il-President George Vella żar wirja tal-artiġġjanat magħmula minn biċċiet tal-ġojjellerija, bl-użu mill-ġdid ta’ partijiet antiki tal-arloġġi li jmorru lura għas-snin sebgħin.
Il-President faħħar l-oriġinalità tax-xogħol u l-kapaċitajiet li huma meħtieġa biex issir ġojjellerija bħal din.