“Parti kbira minni mietet it-Tlieta”. Hekk kitbet oħt it-tabib Christian Pandolfino, f’kitba fuq il-midja soċjali wara l-qtil doppju f’tas-Sliema.
Daniela Pandolfino sejħet il-qtil ta’ ħuha bħala traġedja li ma tagħmilx sens.
Daniela qalet kif ħuha kien parti minn ħajjitha minn mindu twieled. Qalet kif Chris kien jirrispettaha ħafna u kif kienet tqisu bħala l-akbar ħabib tagħha.
F’din il-kitba oħt Christian Pandolfino qalet kif huwa kien hemm għaliha fil-mumenti tajbin u anki dawk ħżiena.
Hija qalet kif ħuha ma kienx jagħti każ in-norma soċjali, hekk kif kien jilbes il-giżirajjen filgħodu u anke ġieli mar it-tiġijiet bil-bermuda. Qalet li ħuha kien intelligenti, fejn iddeskrivitu bħala enċiklopedija miexja.
Chris Pandolfino tilef ħajtu b’mod traġiku f’omiċidju doppju t-Tlieta filgħaxija ġewwa daru f’Tas-Sliema, flimkien mas-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski.