Mhux eskluż li l-eżekuturi tal-qtil doppju kienu barranin … għassa stretta biex ħadd ma jaħrab mill-pajjiż – One News

Notifiki

Mhux eskluż li l-eżekuturi tal-qtil doppju kienu barranin … għassa stretta biex ħadd ma jaħrab mill-pajjiż

Kull ma jmur il-pulizija qed timxi fuq it-teżi li l-mottiv wara l-qtil doppju ta’ nhar it-Tlieta filgħaxija f’Tas-Sliema kien il-qtil tal-koppja.

Sorsi qalu lil ONE News li l-pulizija mhux teskludi li s-suspettati fil-qtil kienu barranin u li jista’ jkun li dawn kienu l-eżekuturi fil-qtil u mhux il-mandanti.

ONE News huwa nfurmat ukoll li ftit wara li seħħ il-każ, il-pulizija kellha għassa stretta dwar min kien ħiereġ mill-pajjiż mill-ajruport u l-portijiet Maltin.

Il-pulizija kkordinat mal-awtoritajiet tal-portijiet sabiex jiġi żgurat li s-suspettati ma jaħarbux mill-pajjiż bil-baħar.

Bl-għajnuna tal-espert tal-Qorti, Martin Bajada, il-pulizija għamlet ukoll sigħat twal tanalizza filmati elevati minn kameras tas-sigurtà.

Ilbieraħ ONE News żvela li z-ziju tat-Tabib Dr. Christian Pandolfino, li joqgħod faċċata tad-dar fejn seħħ il-qtil, lemaħ tliet persuni ħerġin mir-residenza wara li sema’ tiri sparati.

Huwa ra lill-persuni jirkbu f’karozza bajda li telqet minnufih minn fuq il-post.

Jirriżulta li t-tliet suspettati damu biss erba’ minuti fid-dar u jista’ jkun li persuna oħra kienet qed tistennihom fil-karozza wara li mill-filmati, ħadd mit-tliet suspettati ma deher jirkeb fil-karozza min-naħa tal-bieba tax-xufier.

ONE News irrapporta wkoll li l-pjanċi tal-karozza l-bajda kienu misruqa.

ONE.COM.MT irrapporta li ftit minuti qabel nqatel, Pandolfino kien qed jiekol ma’ oħtu f’ristorant fuq il-bejt ta’ lukanda ewlenija f’Tas-Sliema.

Persuni qrib il-familja tal-vittmi fl-omiċidju doppju, Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski, qalu ma’ ONE News li oħtu tgħix barra minn Malta iżda fl-aħħar jiem hi u wliedha kienu fuq btala f’Malta u kienu qegħdin jgħixu fid-dar lussuża ta’ Pandolfino li tinsab fi Triq Locker, kantuniera ma’ Triq Tony Nicholl f’tas-Sliema.

Is-sorsi ta’ ONE News qalu li Christian Pandolfino, oħtu u wliedha spiċċaw mill-ikla ftit minuti qabel l-għaxra ta’ filgħaxija u oħtu riedet tixtri xi ħaġa lit-tfal tagħha, x’aktarx ġelat.

Jirriżulta li Pandolfino ma marx magħha u baqa’ sejjer d-dar.

Il-pulizija qed tħares ukoll u tinvestiga fil-fond lejn il-fatt li Pandolfino ddeċieda li jirritorna waħdu f’daru u mhux jistenna lill-oħtu u wliedha biex jixtru xi ħaġa wara l-ikla.

Matul il-jum tal-Ħamis ukoll, saret l-awtopsja fuq iż-żewġ katavri u b’hekk mistenni jintefa’ iżjed dawl dwar it-tiri sparati u kif intlaqtet il-koppja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend