Huma l-pjanċi tal-karozza li ntużat fil-qtil doppju li kienu misruqa – One News

Notifiki

Huma l-pjanċi tal-karozza li ntużat fil-qtil doppju li kienu misruqa

Il-pjanċi li kienu mwaħħla mal-karozza l-bajda li s-suspettati fil-qtil tal-koppja rġiel f’tas-Sliema rikbu fiha, kienu misruqa.

Sorsi qalu lil ONE News li minn filmati elevati minn kameras tas-sigurtà li qed jiġbru l-pulizija u l-esperti fl-inkjesta Maġisterjali ntgħarfu d-dettalji tal-pjanċi tal-karozza li ntużat fil-qtil doppju.

La darba l-għamla tal-karozza għadha trid tintgħaraf, sa issa hu magħruf biss li huma l-pjanċi li kienu nsterqu.

Għalhekk nifhmu li l-pulizija għadha trid tistabilixxi jekk il-karozza l-bajda kinitx misruqa wkoll.

Kien ONE News li mod esklussiv irrapporta li tliet persuni dehru ħerġin mir-residenza ta’ Pandolfino, b’basket f’idejhom u ħarbu minn fuq il-post b’karozza bajda.

Din l-informazzjoni żvelata minn ONE News ġiet ikkonfermata f’konferenza tal-aħbarijiet mill-kelliem għall-Korp tal-Pulizija.

F’dan l-istadju l-pulizija mhux teskludi li fil-karozza kien hemm persuna oħra lesta biex issuq hekk kif minn informazzjoni li kiseb ONE News, l-ebda persuna mit-tlieta li damu biss erba’ minuti fid-dar ta’ Pandolfino, ma rikbu fil-karozza fuq in-naħa tax-xufier.

ONE News jinsab infurmat ukoll li Dr. Christian Pandolfino, it-tabib li nhar it-Tlieta filgħaxija nstab mejjet b’tiri t’arma tan-nar fl-intrata ta’ daru f’tas-Sliema, kien qed jiekol ma’ oħtu f’ristorant fuq il-bejt ta’ lukanda ewlenija f’Tas-Sliema, propju ftit qabel ma nqatel.

Persuni qrib il-familja tal-vittmi fl-omiċidju doppju, Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski, qalu ma’ ONE News li oħtu tgħix barra minn Malta iżda fl-aħħar jiem hi u wliedha kienu fuq btala f’Malta u kienu qegħdin jgħixu fid-dar lussuża ta’ Pandolfino li tinsab fi Triq Locker, kantuniera ma’ Triq Tony Nicholl f’tas-Sliema.

Is-sorsi ta’ ONE News qalu li Christian Pandolfino, oħtu u wliedha spiċċaw mill-ikla ftit minuti qabel l-għaxra ta’ filgħaxija u oħtu riedet tixtri xi ħaġa lit-tfal tagħha.

Jirriżulta li Pandolfino ma marx magħha u baqa’ sejjer id-dar.

Il-pulizija qed tħares ukoll u tinvestiga fil-fond lejn il-fatt li Pandolfino ddeċieda li jirritorna waħdu f’daru u mhux jistenna lill-oħtu u wliedha biex jixtru xi ħaġa wara l-ikla.

Ara wkoll:

Ftit qabel il-qtil doppju Pandolfino kien qed jiekol m’oħtu li kienet qed tgħix miegħu

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend