ESKLUSSIVA: Iz-ziju ta’ Pandolfino lemaħ lit-tliet suspettati fil-qtil doppju wara li sema’ t-tiri – One News

Notifiki

ESKLUSSIVA: Iz-ziju ta’ Pandolfino lemaħ lit-tliet suspettati fil-qtil doppju wara li sema’ t-tiri

Kien iz-ziju tat-Tabib Dr. Christian Pandolfino, li joqgħod fl-istess triq, faċċata tad-dar fejn seħħ il-qtil doppju t-Tlieta filgħaxija f’tas-Sliema, li sema’ t-tiri sparati u ra lit-tliet persuni suspettati ħerġin mir-residenza tan-neputi tiegħu.

Iz-ziju li beda jgħajjat lit-tliet suspettati, rahom jidħlu fil-karozza l-bajda, li kienet propju pparkjata quddiem id-dar taz-ziju ta’ Pandolfino.

Kien f’dan il-mument li z-ziju ta’ Pandolfino, ixxukjat b’dak li ra u sema’, ċempel minnufih lill-Pulizija.

Malli waslu, il-pulizija daħlu fid-dar u fl-intrata sabu mejjet lit-tabib u l-bankier ta’ tmienja u ħamsin sena, imbagħad telgħu fuq u sabu mejjet ukoll lil Ivor Maciejowski, Ingliż ta’ tletin sena.

Ħabib tal-vittmi rrakkonta dan ukoll ma’ ONE News. Huwa qalilna: “Il-karozza kienet ipparkjata faċċata taz-ziju. Sa fejn naf jien iz-ziju rahom, beda jgħajjat, telgħu fil-karozza u telqu ‘l hemm.”

Mark Galea Pace, sid ta’ gym u ħabib tal -koppja li nqatlet, esprima x-xokk u d-diqa tiegħu li tilef lil dawn iż-żewġt iħbieb.

Huwa sostna: “Dejjem ħa ssibhom bi daħqa fuq wiċċhom, u b’kumplimenti u dejjem jitkellem mal-klijenti tiegħi.”

Galea Pace qalilna li lil Christian Pandolfino kien ilu jafu aktar minn għoxrin sena.

 Intant matul il-jum, one.com.mt irrapporta li ftit minuti qabel nqatel, Pandolfino kien qed jiekol ma’ oħtu f’ristorant fuq il-bejt ta’ lukanda ewlenija f’Tas-Sliema.

Persuni qrib il-familja tal-vittmi fl-omiċidju doppju, Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski, qalu ma’ ONE News li oħtu tgħix barra minn Malta iżda fl-aħħar jiem hi u wliedha kienu fuq btala f’Malta u kienu qegħdin jgħixu fid-dar lussuża ta’ Pandolfino li tinsab fi Triq Locker, kantuniera ma’ Triq Tony Nicholl f’tas-Sliema.

Is-sorsi ta’ ONE News qalu li Christian Pandolfino, oħtu u wliedha spiċċaw mill-ikla ftit minuti qabel l-għaxra ta’ filgħaxija u oħtu riedet tixtri xi ħaġa lit-tfal tagħha, x’aktarx ġelat.

Jirriżulta li Pandolfino ma marx magħha u baqa’ sejjer d-dar.

Il-pulizija qed tħares ukoll u tinvestiga fil-fond lejn il-fatt li Pandolfino ddeċieda li jirritorna waħdu f’daru u mhux jistenna lill-oħtu u wliedha biex jixtru xi ħaġa wara l-ikla.

Intant ftit minuti wara li daħal id-dar, tliet persuni dehru jidħlu fid-dar tiegħu u nstemgħu sitt tiri sparati.

Mark Galea Pace, qalilna ukoll kif ħaseb f’oħt il-vittma u ż-żewġ uliedha li nzertaw ma kinux fid-dar meta seħħ il-qtil.

Huwa kompla jgħid: “L-ewwel ħsieb li ġieni kien li Alla ħabb li ma kinux hemm dawn it-tfal għax dejjem miegħu kienu jkunu.”

Il-Ħamis filgħodu, ONE News reġa’ kien fejn ix-xena tad-delitt fejn anki lemaħ bukkett tal-fjuri fuq l-għatba tad-dar.

Id-dar lussuża għadha issiġġillata u qed tkun mgħassa mill-Pulizija.

Mad-dar ta’ Pandolfino innutajna li hemm erba’ kameras tas-sigurtà mwaħħla.

Il-pulizija u esperti tal-qorti, elevaw kemm il-filmati ta’ dawn il-kameras tas-sigurtà, kif ukoll bdew jiġbru filmati oħra minn kameras tas-sigurta li hemm fit-toroq fil-qrib fejn seħħ l-omiċidju.

Dan sabiex jiġi stabbilit l-għamla tal-vettura.

Il-pjanċi li kienu mwaħħla mal-karozza l-bajda li s-suspettati fil-qtil tal-koppja rġiel f’tas-Sliema rikbu fiha, kienu misruqa.

Sorsi qalu lil ONE News li minn filmati elevati ntgħarfu d-dettalji tal-pjanċi tal-karozza li ntużat fil-qtil doppju.

La darba l-għamla tal-karozza għadha trid tintgħaraf, sa issa hu magħruf biss li huma l-pjanċi li kienu nsterqu.

Għalhekk nifhmu li l-pulizija għadha trid tistabilixxi jekk il-karozza l-bajda kinitx misruqa wkoll.

Matul il-jum tal-Ħamis ukoll, saret l-awtopsja fuq iż-żewġ katavri u b’hekk mistenni jintefa’ iżjed dawl dwar it-tiri sparati u kif intlaqtet il-koppja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend