Notifiki

Il-WHO qed tħares lejn disa’ vaċċini għall-Covid-19 li għaddew minn fażijiet importanti – Prof. Charmaine Gauci

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa bħalissa qed tħares lejn disa’ vaċċini differenti li jistgħu jipprevjenu l-Coronavirus fid-dinja, b’uħud minnhom ġa waslu f’fażi importanti ta’ ttestjar sabiex eventwalment ikunu jistgħu joħroġu fis-suq.

Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, waqt il-programm 360 fuq ONE, it-Tlieta filgħaxija.

Fil-programm preżentat minn Colin Deguara, il-Professur Gauci spjegat kif Malta ngħaqdet flimkien ma’ diversi pajjiżi Ewropej sabiex meta joħroġ l-ewwel vaċċin, pajjiżna jkun jista’ jixtrih.

Il-Professur Gauci stqarret, “Il-WHO qed tħares lejn disa’ vacines li diġa’ għaddew second phase u third phase clinical trials biċċiet minnhom. Malta ngħaqdet mal-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa dak li ngħidulu joint procurement jiġifieri l-pajjiżi Ewoprej ngħaqdna flimkien biex inkunu nistgħu nixtru vaccines għaliex meta inti tingħaqad flimkien huwa ta’ benefiċċju kbir speċjalment għal pajjiż żgħir bħal Malta fejn inti ħa jkollok tip ta’ forza ta’ numru ikbar ta’ pajjiżi li qed jingħaqdu flimkien allura għandek iktar ċans li jkollok vaccine kmieni u anke bħala prezz tajjeb.”

Fil-jum tal-Erbgħa daħlu miżuri marbuta mad-diskoteki fost oħrajn.

Dan apparti li hemm miżuri ġodda b’rabta mal-użu obbligatorju tal-ilbies tal-maskri.

Għal dan, il-Professur Gauci qalet li b’din il-miżura kruċjali tal-ilbies tal-maskri mistennija titnaqqas it-trażmissjoni tal-virus minn persuni għal oħra.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet, “Issa qegħdin f’sitwazzjoni fejn kull pajjiż qed juri evidenza li meta jkun hemm użu tal-maskri u jintużaw sew u jintlibsu sew hemmhekk tista’ tnaqqas it-trażmissjoni.”

Barra minn hekk, hija rrakomandat li tintlibes il-maskra wkoll f’postijiet fejn hu diffiċli li tinżamm id-distanza soċjali.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika saħqet ukoll li wieħed irid jidra jgħix b’din is-sitwazzjoni u f’kelma oħra jadatta għaliha, iżda dejjem irid iżomm f’moħħu s-saħħa tiegħu u saħħet dawk in-nies meqjusa bħala vulnerabbli.

“Iridu nsibu s-soluzzjonijiet kif il-ħajja tagħna tibqa’; miexja ‘l quddiem imma dejjem li aħna jkun hemm kontroll u anka li nkunu qegħdin nipproteġu lilna nfusna u aktar u aktar lil dawk in-nies li huma f’riskju.” Temmet tgħid il-Professur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend