Aġġornat: Żewġt irġiel jinqatlu f’dar privata f’Tas-Sliema

Żewġ irġiel inqatlu ġewwa residenza privata f’Tas-Sliema. Huma inqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar.

Il-każ seħħ tard it-Tlieta filgħaxija għall-ħabta tal-10:30pm fi Triq Locker kantuniera ma’ Triq Tony Nicholl.

Id-dar li fiha seħħet l-isparatura hija propjetà ta’ Dr. Christian Pondalfino.

Il-Kelliem għall-Pulizija Brandon Pisani li bħalissa qiegħed fuq il-post flimkien ma’ bosta ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet differenti, spjega li kienu Pulizija mir-Rapid Intervention Unit li waslu mal-ewwel fuq il-post wara rapporti li nstemgħu tiri fir-residenza privata.

Pisani spjega li ż-żewġt irġiel instabu f’postijiet differenti fid-dar. Wieħed mill-irġiel instab fis-sular ta’ isfel filwaqt li ieħor instab fis-sular ta’ fuq.

Bħalissa fuq il-post hemm preżenza qawwija ta’ Pulizija flimkien ma’ uffiċjali tar-reati maġġuri. Fuq il-post hemm ukoll membri mit-Taqsima tal-Forensika  sabiex jinvestigaw il-każ.

Fuq il-post hemm ukoll il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Ian Farrugia hekk kif infetħet inkjesta.


Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend