Jintensifikaw l-ispezzjonijiet fuq il-baħar fil-pandemija – One News

Notifiki

Jintensifikaw l-ispezzjonijiet fuq il-baħar fil-pandemija

Mill-bidu tas-sena sal-aħħar ta’ Ġunju, is-Sezzjoni tal-Infurzar Marittimu ta’ Transport Malta, wettqet aktar minn elf spezzjoni fuq dgħajjes fil-bajjiet.

Fl-istess perjodu, inħarġu mija, disgħa u għoxrin twissija, u mija u sebgħa u sebgħin ċitazzjoni, filwaqt li aktar minn seba’ mitt dgħajsa nstabu konformi mal-liġijiet.

Għalkemm in-numru ta’ dgħajjes fuq il-baħar huwa ferm inqas mill-karozzi fit-toroq, ir-regoli għas-sewqan, jgħoddu għall-opri tal-baħar daqskemm jgħoddu għall-vetturi fuq l-art.

F’xemx taqli l-ankri f’jum tipiku sajfi, ONE News żar il-bajja ta’ Blue Lagoon f’Kemmuna mal-koordinatur mit-Taqsima tal-Infurzar Marittimu Rudolph Muscat.

Bejn spezzjoni u oħra, spjegalna li din is-sena raw żieda sostanzjali fin-numru ta’ dgħajjes fix-xhur ta’ April u Mejju.

Is-Sur Muscat qal: “Ikollna xogħol imma f’Ġunju jisplodi x-xogħol tas-sajf. Din id-darba kien għadu xahrejn qabel, bdejna naraw ħafna dgħajjes neżlin fil-baħar u kellna wkoll problemi ġodda fejn dak li jkun, issa mhux ħa nsiefru, issa x’ħa nagħmlu, aqbad id-dgħajsa minn ġol-garaxx, tlaqna u ltqajna ma’ ħafna dgħajjes li ma kellhomx registration u insurance.”

Is-Sur Muscat spjega li l-maġġoranza tal-ispezzjonijiet isiru għall-għarrieda, fejn jintalbu ċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni u l-polza tal-assigurazzjoni, u l-liċenzja nawtika.

Huwa spjega: “Dejjem ħa jkun hemm multa meta għandek ir-reġistru skadut. Meta ħriġt fuq id-dgħajsa bir-reġistrazzjoni mhux kif suppost dejjem ħa jkun hemm multa. Jekk ma jkunx hemm polza tal-assigurazzjoni, neskortawk biex tidħol lura l-ewwel art viċin, ma nħallux dgħajsa għaddejja fil-baħar li ma jkollhiex polza tal-assigurazzjoni.”

L-uffiċjal ta’ Transport Malta appella għall-attenzjoni, u fakkar li fatturi differenti bħan-nuqqas ta’ attenzjoni u negliġenza, jew sewqan taħt l-influwenza tax-xorb jew sustanzi oħra, jistgħu jikkawżaw inċidenti serji.

Is-Sur Muscat sostna: “Nitolbu li jkun hemm prudenza fuq il-baħar u rispett għax mhux l-overspeeding biss huwa problema. L-overspeeding huwa periklu imma li tiġi hawnhekk ġol-Blue Lagoon, hawn daqstant dgħajjes, kulħadd qiegħed għall-kwiet forsi tisma’ naqra mużika, imbagħad tiġi dik il-boat waħda li tiftaħ l-ispeakers full on u taħseb li kulħadd qed jieħu pjaċir jisma’ l-mużika li qed jisma’ hu.”

Għaldaqstant appella biex filwaqt li kulħadd isegwi l-liġijiet marittimi, iżomm il-prudenza biex kemm jista’ jkun, jum ta’ divertiment jew xogħol fuq il-baħar, ma jinbidilx f’diżgrazzja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *