Seba’ parroċċi jiċċelebraw l-Assunta b’mod differenti – One News

Notifiki

Seba’ parroċċi jiċċelebraw l-Assunta b’mod differenti

Jum ta’ festa, bi pjazez kwieti.

Jinstema’ biss il-kant u t-talb tan-nies minn ġol-Knejjes f’festa kmandata.

Xi ħaġa li ħadd qatt ma ra u kien jistenna.

Sentiment ta’ dieqa fost id-dilettanti u l-għaqdiet tal-festa – li din is-sena kellhom iżommu lura u ma jagħmlux iċ-ċelebrazzjonijiet tas-soltu.

Fil-Mosta, skiet taqtgħu b’sikkina, għajr għal xi żewġ anzjani li nġabru jgħidu kelma fuq il-bank quddiem ir-rotunda jew fuq l-għatba ta’ quddiem il-każin tal-banda.

Membri tal-Banda fil-Mosta stqarru, “Sfortunamatment kellna nħassru kollox minħabba s-sitwazzjoni li ġara ġara. Mhix faċli li ninżel hawnekk ġol pjazza u tara bla nies u anke l-każin u n-nies li kienu jżuru l-każini. Infati naqqasna ħafna mill- armar hekk kif is-soltu kont tiġi hanwekk u tara ħafna aktar armar imma għamilnih aktar ridott biex ngħidu dħalna naqra fl-atmosfera tal-festa… Din is-sena mingħajr banda hemm xi ħaġa nieqsa mhux l-armar u hekk u spċjalment tkun bandist tħossha imma m’hemx xtgħamel iċ-ċriskostanzi riedu hekk.”

Id-Dilettanti tan-nar ukoll kellhom iżommu lura u ma jaħarqux il-ħarqa kkulurita tas-soltu, b’xi Imqabbin jiddeskrivu l-atmosfera ta’ din is-sena bħala waħda li se ssaħħahom biex is-sena d-dieħla jkollhom waħda akbar.

Dilettanti tan-nar fl-Imqabba saħqu, “Bejn tieħu pjaċir u bejn tad-dwejjaq. Kieku hawn il-banda u nies jaqbżu u daqq u l-marċ sas-sgħatejn..differenti…Ridna noqgħodu għal dak li nqala imma l-festa tagħna xorta se tibqa’ waħda mill-kbar f’Malta.”

Apparti l-Imqabba u l-Mosta, il-parroċċi tal-Katidral Għawdex, il-Gudja, Ħ’Attard, il-Qrendi u Ħal Għaxaq, ukoll iċċelebraw il-festa tat-tlugħ tal-Madonna fis-sema b’pontifikal filgħodu u ħarqa żgħira ta’ nar matul il-ġurnata.

Diversi Maltin qasmu l-fliegu hekk kif iddeċidew li jqattgħu din il-festa pubblika għas-skiet li taf toffri l-gżira tat-tliet għoljiet. Oħrajn libsu l-malji u niżlu jifriskaw fil-bajjiet pittoreski li jdawru lil pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend