Qalbu ma waqqfitux milli jirritorna fil-grawnd – One News

Notifiki

Qalbu ma waqqfitux milli jirritorna fil-grawnd

Dan huwa Nigel żagħżugħ ta’ erbatax-il sena li ġieli rajnieh jappella għall-għajnuna tal-pubbliku waqt xi maratona ġbir ta’ fondi b’risq għaqdiet li jgħinu lill-pazjenti li jmorru għall-kura barra minn Malta.

Illum raġel żgħir ibigħ is-saħħa jagħti bil-ballun u entużjast biex jagħmel suċċess f’dan l-isport.

Madwar tliet snin ilu Nigel kien għamel trapjant tal-qalb minħabba kundizzjoni li kellu f’qalbu. Wara li ħa saħħtu lura, Nigel mhux biss reġa’ beda jiħarreġ fil-futbol iżda dan l-aħħar ingħaqad mal-klabb ta’ Naxxar Lions ta’ taħt is-sbatax-il sena.

Iltqajna ma’ Nigel, żagħżugħ ferrieħi u li jitkellem fuq dak li għadda mhux b’sens negattiv iżda fi kliemu jurina li xejn ma jiġri għalxejn.

Esprima magħna sodisfazzjon u l-ferħ li qed iħoss li qed jerġa’ jagħmel dak li tant iħobb jagħmel, jilgħab il-futbol.

Nigel stqarr, “Qed inħossni vera tajjeb għax ilni naqra ma nkun qed nitrenja allura x’jismu tħossok tajjeb ħafna meta terġa’ tibda tittrenja bħala grupp.”

Nigel li jilgħab bħala attakant stqarr magħna li l-aspirazzjoni tiegħu hi li jsir plejer professjonali, tant hu hekk li l-iskola għażel is-suġġett tal-Attività Fiżika. Huwa qalilna wkoll li l-idoli tiegħu huma Wayne Rooney u Michael Mifsud, dan tal-aħħar minħabba l-ħeffa li għandu u anke minħabba li huwa attakkant, l-istess pożizzjoni li fiha Nigel iħossu komdu jilgħab għax jiskorja mhux ħażin. Huwa qalilna li jixtieq ikun bħalhom.

“Meta nikber inkun nista’ nilgħab b’semi pro u  hekk u nkun nista’ nilgħab f’Malta fid-diviżjonijiet l-għoljin.” Stqarr Nigel.

It-tfajjel qalilna li permezz tal-esperjenza diffiċli li għadda minnha fejn kien kostrett jieħu ħsieb saħħtu u ma jiċċaqlaqx kif ġib u laħaq, sar aktar kuraġġuż.

Spikkat il-pożittività fil-messaġġ tal-aħħar tiegħu, messaġġ li jispira lil dawk li qed ibatu, fosthom tfal.

“Biex ma jaqtgħux qalbhom għax meta taqta’ qalbek tkun aktar tqila minħaba l-mental state u hekk.” Temm jgħidilna Nigel.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend