Sid ta’ ħanut żgħir jistma li sa issa ntefqu għandu mal-€4,000 bil-vouchers  – One News

Notifiki

Sid ta’ ħanut żgħir jistma li sa issa ntefqu għandu mal-€4,000 bil-vouchers 

“Il-vouchers sarfu f’iktar minn erbat elef ewro li ntefqu fin-negozju tagħna.” Hekk stqarr  sid ta’ ħanut tal-ħwejjeġ fiż-Żejtun, Vince Mifsud li qalilna kif permezz tal-vouchers in-nies reġgħu tħajjru jagħmlu x-xirja tagħhom u b’hekk reġgħet bdiet iddur ir-rota.

Huwa stqarr: “Nikkalkula bejn mitejn u mitejn u tnejn u tletin voucher jiġifieri f’dawn l-aħħar tliet ġimgħat…. Għenuna biex nerġgħu nirpiljaw ftit is-sales tagħna għaliex ovvjament kif kulħadd jista’ jimmaġina slowja x-xogħol minħabba din il-problema tal-Covid-19.”

Duncan Schembri li għandu ħwienet tal-fwieħa f’bosta lokalitajiet ukoll stqarr li l-iskema tal-vouchers kienet bżonnjuża ħafna wara ġimgħat bil-ħwienet magħluqin.  Spjega kif huwa kien qed jistenna bil-ħerqa għal din l-iskema sabiex jara n-negozju tiegħu jerġa’ jirkupra.

Huwa sostna: “Nistgħu ngħidu li għenitna ħafna, konna qed nistennewha ħafna bħala skema, wara tliet xhur kważi magħluqin il-ħwienet tagħna eżatt kif bdew in-nies jirċievu l-vouchers, bdew jiġu jsarfuhom fil-ħwienet tagħna u qisu erġajna bdejna, kollox qisu beda ġej lura għan-normal.”

Schembrispjega kif meta sema’ b’din l-inizjattiva tal-Gvern ra kif  jagħmel sabiex hu ukoll jikkontribwixxi sabiex l-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha u kompla jżid mal-inizjattiva biex il-klijenti wkoll jibbenefikaw iktar mill-vouchers li ta l-Gvern, b’injezzjoni ekonomika ta’ ħamsa u erbgħin miljun ewro.

Huwa kompla jgħid: “Li għamilna żidna mal-għoxrin ewro li ngħatat mill-gvern, żidna ħames ewro oħra, jiġifieri kull voucher qed nagħtu valur ta’ ħamsa u għoxrin ewro u barra fuq dan il-25 ewro qed nerġgħu noffru ħmistax fil-mija roħs. Aħna dejjem għidna li bħala kumpanija rridu nagħtu sehmna. Ma nistgħux nistennew il-bajtra taqa’ f’ħalqna jiġifieri bil-fors irridu nagħmlu xi ħaġa aħna min-naħa tagħna.”

L-Erbgħa l-Ministru għall-ekonomija Silvio Schembri ħabbar kif sa issa il-fuq minn disgħin fil-mija tal-vouchers tal-mitt ewro li qed jintefqu fil-ħwienet waslu għand in-nies u r-rispons huwa wieħed pożittiv.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *